Internazzjonali

Ir-Russja: Putin jipprova juri li s-sanzjonijiet mhumiex iħallu l-effett mixtieq mill-Punent

Il-President Russu Vladimir Putin qed jilqa’ lil aktar minn 20 Kapijiet ta’ Stat għas-summit ta’ Brics għall-Ekonomiji Emerġenti u li jikkonkludi l-Ħamis fil-belt ta’ Kazan. Is-summit hu sforz ieħor tar-Russja biex turi li mhix qed tkun affettwata mis-sanzjonijiet imposti fuqha mill-Punent wara l-invażjoni, fl-2022, tal-Ukrajna mil-qawwiet tal-Kremlin.

L-ekonomija tar-Russja, illum, hi iżolata mis-swieq globali u meta ħareġ anki mandat għall-arrest ta’ Putin min-naħa tal-Qorti Kriminali Ineternazzjonali.

Intant, Putin u l-Kremlin qed jippruvaw juru li mhumiex iħossu l-pressjoni u meta fost il-Kapijiet tal-Istat preżenti għas-summit ta’ Kazan hemm il-President Ċiniż Xi Jinping, il-Prim Ministru Indjan, Narendra Modi u l-President tal-Iran,Masoud Pezeshkian.

L-osservaturi barranin kolha jaqblu li r-Russja trid turi lil kulħadd li ‘fallew’ l-isforzi tal-Punent biex jiżolaha….U għalkemm mhemmx dubju li l-impatt tas-sanzjonijiet qed jinħass, ir-Russi xorta  għad għandhom il-pajjiżi sieħba fuq livell ġeopolitiku.

Il-kelma Brics hi denominazzjoni għall-Brażil, ir-Russja, iċ-Ċina u l-Afrika t’Isfel – b’dan il-grupp, maż-żmien, jespandi biex jinkludi anki l-Eġittu, l-Etjopja, l-Iran u l-Emirati Għarab; bl-Arabja Sawdija tingħata l-istedina biex hi ukoll tifforma parti mill-Brics. Dan meta l-pajjiżi msieħba fil-Brics qed jagħmluy tajjeb għal xi 45 fil-mija tal-popolazzjoni globali.