Graziella Attard Previ, PN
Ix-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ sostniet fil-Parlament li t-teħid tad-droga sar xi ħaġa normali b’effetti negattivi fuq is-soċjetà.
Graziella Attard Previ qalet li għandhom jiddaħħlu pieni ħorox kontra t-traffikar tad-droga u sostniet li persuna li tinqabad b’500 pillola extacy, b’200 grammma kokaina jew eroina u kilo kannabis tkun qed tittraffika għaliex l-ammonti huma kbar wisq għall-użu personali.
Għaliex il-liġi li jrid idaħħal il-gvern qed tipproponi l-possibbiltà li dawn il-każi jmorru quddiem il-Qorti tal-Maġisrarti flok il-Qorti Kriminali biex il-pieni jkunu inqas ħorox? Hemm rieda li l-gvern irid jeqred it-traffikar tad-droga?, staqsiet id-deputat Nazzjonalista.
Graziella Attard Previ qalet li l-gvern wassal il-messaġġ li t-teħid tad-droga hu aċċettabbli u ma tagħmilx ħsara. Il-pajjiż, illum, innormalizza l-użu tad-droga tant li Malta hi meqjusa bħala pajjiż fejn persuna tista’ tieħu d-droga fl-apert u li din tinkiseb b’mod faċli. Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-liġi dwar l-użu tal-kannabis bagħtet dan il-messaġġ.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li dan wassal biex kulħadd qed jagħmel li jrid b’liġijiet li dwarhom ma jkunx hemm għarfien. Il-fatti huma li f’Malta kulħadd jagħmel li jrid dwar teħid tad-droga.
Il-Bajja ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan, saret bejta tad-droga fl-apert mingħajr ebda kontroll jew preżenza ta’ Pulizija. Dan filwaqt li l-problema tat-teħid tad-droga hi kbira fis-Swieqi, f’Tas-Sliema u f’San Ġiljan, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li r-riħa tad-droga tinxtamm kullimkien anki fis-sewqan.
Graziella Attard Previ sostniet li fl-aħħar snin Malta ma baqgħetx tingħaraf; dan hu l-progress li jrid il-Gvern Laburista? Hi semmiet il-problemi tad-drogi sistentiċi u sostniet li l-gvern ħoloq l-atmosfera ta’ kollox jgħaddi.
Il-ġlieda għandha tiqba’ kontra t-traffikanti tad-droga biex tkun protetta s-soċjetà, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li staqsiet kif din il-liġi se tassigura li mhux se jkun hemm iktar abbuż. Ħafna nies li huma inkwetati li t-teħid tad-droga sar ħaġa normali, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li jeħtieġ li l-poplu jkollu s-serħan tal-moħħ iżda r-riformi li daħħal il-gvern ma għamlux dan.
Hi appellat biex isiru kampanji qawwija ta’ edukazzjoni meta jkunu se jsiru bidliet fil-liġijiet li jkollhom effetti fuq is-soċjetà. Hawn tħassib fost it-tfal tal-persuni li jieħdu d-drogi; dawn għandhom jingħataw attenzjoni primarja, sostniet Graziella Attard Previ.
//= $special ?>