Lokali

Jammetti l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Jesmond Gatt

Fl-aħħar jiem, il-Pulizija rċeviet informazzjoni mill-amministrazzjoni tal-Aġenzija tas-Servizzi
Korrettivi, li raġel li kien qiegħed jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli,
tkellem ma’ uffiċjal tal-Aġenzija dwar l-involviment tiegħu f’omiċidju.

Minnufih din il-persuna ġiet arrestata fejn il-każ jittratta l-mewt ta’ Jesmond Gatt ta’ 54 sena
li f’Lulju li għadda, kien iddaħħal l-Isptar Mater Dei f’qagħda kritika wara li kien fit-taqsima
forensika tal-Isptar Monte Karmeli, flimkien ma’ żewġ persuni oħra.

Dwar dan il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija kienu
għadhom għaddejjin. Wieħed minn dawn iż-żewġ persuni tkellem dwar l-involviment tiegħu.

Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti llum
quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia akkużat bl-omiċidju ta’ Jesmond Gatt.