Lokali Parlament

Jeħtieġ toroq alternattivi għal aċċess lejn il-Mellieħa


Ivan Castillo, PN


Ix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo qal fl-Aġġornament tal-Parlament li jeħtieġ toroq alternattivi għal aċċess lejn il-Mellieħa.

Ivan Castillo qal fil-Parlament li fl-aħħar ġranet kien hemm inċident fit-Telgħa tal-Mellieħa li wassal għal konġestjoni kbira ta’ traffiku. Jeħtieġ, għalhekk, li jkun hemm aċċess aħjar għall-Mellieħa anki għaliex il-popolazzjoni kibret. Irid ikun ikkunsidrat ukoll li fix-Xemxija se tiżdied blokka ta’ appartamenti flok il-Mistra Village fl-ammont ta’ 950 appartament u ftit ‘l isfel se ssir blokka oħra ta’ 600 appartament. Dawn ir-residenti jridu joħorġu kollha mill-istess triq.

Il-gvern għandu jispjega x’inhu l-pjan tiegħu għall-futur dwar din is-sitwazzjoni, sostna Ivan Castillo, li kompla li l-gvern jidher li ma jrid jagħmel xejn dwarha.

Hu semma’ l-Manikata fejn saret petizzjoni beix ma jinbeniex bini enormi viċin il-kappella l-antika. Minkejja dan, ħadd ma sema’ u llum hemm permess li qed jistenna li jkun approvat.

Ivan Castillo kompla li flok jindirizza dawn il-problemi b’mod ħolistiku, il-gvern mhux qed jieħu l-azzjonijiet neċessarji.