Raġel ta’ 35 sena residenti ż-Żurrieq wieġeb mhux ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti meta nstab rieqed barra ma’ tfajla ta’ 16-il sena. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Zammit, żammet lir-raġel arrestat minkejja t-talba tiegħu għall-pleġġ.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li matul ix-xahar ta’ Ottubru daħlu rapporti ta’ persuni reqdin barra fil-Gżira u daħlet informazzjoni mid-Direttorat tal-Kura Alternattiva li kien hemm raġel li kien qed jagħmel kuntatt ma’ tfajla ta’ 16-il sena minkejja li kienet protetta b’ordni ta’ protezzjoni tal-Qorti.
Ir-raġel instab fil-Gżira mill-Pulizija fejn saħansitra kien rieqed barra ma’ din it-tfajla u ġie arrestat fuq il-post. Fil-ħin li l-Prosekuzzjoni kienet qed tagħti d-dettalji lill-Qorti, l-akkużat instema’ jgħid li “kollox sar bil-permess” bil-Maġistrat twaqqfu milli jitkellem u talbitu jikkonsulta mal-avukat tiegħu.
“L-Appoġġ kienu jafu bina u kienu jagħtuna l-ikel”, ipprova jirrimarka r-raġel, bl-avukat tiegħu tgħid li diġà kellmitu dwar dan u li s-seduta tista’ tkompli minkejja dak li kien qed jgħid. Wara li wieġeb mhux ħati, l-akkużat tenna li “għandu l-provi kollha”.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat fid-dawl li l-akkużat kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti u l-akkużi kontrih huma serji, apparti li l-vittma għadha trid tixhed. Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li l-akkużat mhux minnu li jgħix fiż-Żurrieq għaliex din hija d-dar ta’ ommu li keċċietu minnha. “Ommi żgur taċċettani”, qal l-akkużat. Il-Qorti xorta ċaħdet it-talba tad-difiża u ordnat li l-akkużat jinżamm taħt arrest.
L-Ispettur Mark Cremona mexxa l-Prosekuzzjoni.
//= $special ?>