Internazzjonali

Lejn l-elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti: Harris u Trump jikkonċentraw fuq ‘l-indeċiżi’ u d-diversi segmenti tal-elettorat

Fadal anqas minn ġimgħatejn sakemm il-poplu Amerikan jivvota għall-kandidat ippreferut biex imexxi lill-Istati Uniti għall-erba’ snin li ġejjin…Dan waqt li l-Viċi-President tal-Istati Uniti Kamala Harris u l-eks President Amerikan Donald Trump għaddejjin bl-aktar fażi impenjattiva tal-kampanji elettorali għan-nom tal-Partit Demokratiku u l-Partit Repubblikan, rispettivament.

Fil-fatt, Harris u Trump qed jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fl-Istati li għandhom ikunu influwenti ferm għar-riżultat konklussiv tal-elezzjoni tal-5 ta’ Novembru….Stati meqjusa bħala ‘battleground States’ jew ‘Swing States’ minħabba li l-votazzjonijiet tar-residenti dejjem kienu kruċjali għal kwalunkwe elezzjoni simili fil-passat.

Kamala Harris, sadanittant, qed tipprova tipperswadi lill-Amerikani li s-soltu jivvutaw lill-Partit Repubblikan biex jerġgħu jaħsbuha fid-dawl tal-isfidi li qed jiffaċċja l-pajjiż fil-preżent. Harris taf li l-votanti indeċiżi kapaċi jagħmlu d-differenza bejn suċċess u falliment u fl-aħħar sigħat, hi kienet qed iżżur is-‘Swing States’ flimkien ma’ Liz Cheney, eks deputat tar-Repubblikani li spiċċat diżilluża ferm dwar Donald Trump u llum hi magħrufa fost l-akbar kritiċi tiegħu.

ll-Viċi-President Amerikan, fl-aħħar sigħat, żaret l-Istati ta’ Pennsylvania, Michigan u Wisconsin u bil-programm taż-żjarat jinkludi anki varjetà ta’ rallies u djalogi.

Min-naħa tiegħu, Donald Trump qed jappella lill-Amerikani li jagħtu importanza ewlenija lir-reliġjon u fejn wassal il-messaġġ li ‘hu wasal fejn wasal bl-għajnuna ta’ Alla’.

Trump irrefera mill-ġdid għall-inċident, f’Lulju, meta raġel spara tiri lejh waqt li l-eks President kien qed jindirizza rally politiku għar-Repubblikani f’Butler, fl-Istat ta’ Pennsylvania. Fl-attentat, Trump kien spiċċa ferut ħafif u issa hu qed jenfasizza li ‘Alla kien waqaf miegħu għal skop u li dan l-iskop hu l-impenn biex l-Istati Uniti terġa’ tikseb lura s-saħħa u l-influwenza li kellha fil-passat’.

Il-votanti indeċiżi, fil-parti kbira, huma residenti fis-subborgi u meta ħafna minnhom għandhom il-fehmiet liberali minbarra li huma wkoll konservattivi minn aspett ekonomiku. Hu minnu wkoll li ħafna fost dan is-segment ta’ votanti huma żgħażagħ u mhemm l-ebda garanzija li huma jistgħu jkunu persważi biex jivvutaw bilfors f’Novembru li ġej.

Il-kampanja ta’ Kamala Harris, fost oħrajn, qed tipprova tattira l-massimu tal-Amerikani ta’ nisel Pollakk  li huma interessati ferm b’dak li qed iseħħ fil-gwerra tal-Ukrajna – pajjiż ġar tal-Polonja.

Sadanittant, Donald Trump, fl-aħħar sigħat, kien qed jikkonċentra fuq il-votanti mill-klassi tal-ħaddiema residenti fil-counties ta’ Pennsylvania u li ntgħażlu speċifikament skont strateġija magħrufa bħala ‘micro-targeting’.