Internazzjonali

Lejn l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti: Elon Musk sar l-akbar stimolu għall-kampanja ta’ Trump

Il-preżenza ta’ Elon Musk, il-biljunarju Amerikan u fundatur tal-kumpanija SpaceX, qed ikollha rwol kbir fil-kampanja ta’ Donald Trump biex jirbaħ il-Presidenza tal-Istati Uniti. Dan meta mhumiex jonqsu t-tattiċi kontroversjali intiżi biex jipperswadu lill-votanti indeċiżi biex jappoġġjaw lill-Partit Repubblikan fl-Oppożizzjoni.

Il-grupp Future Coalition PAC, iffinanzjat minn Musk, qed ikun strumentali għal kampanja tar-reklamar diġitali mmirata għall-votanti Għarab u Lhud fl-Istati Uniti. Musk anki waqqaf organizzazzjoni bl-isem ‘Building America’s Future’ li magħruf bħala l-uniku donatur lill-Future Coalition PAC.

Il-messaġġi – jew reklamar politiku – li qed jidhru fuq Facebook u YouTube qed jippruvaw ipittru lill-Viċi President Amerikan Kamala Harris – il-kandidat tal-Partit Demokratiku – bħala ‘favur u anki kontra Iżrael’.

Il-messaġġi, li qed jiswew somom ta’ flus sinifikanti, huma konfliġġenti u fejn kultant ifissru lil Harris bħala ‘anti-Semitika’ u mill-banda l-oħra bħala ‘politiku li tipprova togħġob lill-Palestinjani’.

Intant, dawn il-messaġġi intiżi biex juru lil Harris f’dawl ħażin, qed jintwerew ‘strateġikament’ f’numru ta’ Stati Amerikani u skont id-demografika. L-akbar somom ta’ flus provduti minn Musk intefqu fuq ir-reklamar politiku fl-Istat ta’ Michigan, wieħed mis-‘Swing States’ (Stati kruċjali għall-elezzjoni) fejn tgħix l-akbar popolazzjoni ta’ Amerikani Għarab minn fost l-Istati kollha tal-Istati Uniti.