Lokali Parlament

Malta mifqugħa bid-droga; il-gvern għandu jbiddel ir-rotta u jkun iebes mat-traffikanti


Karol Aquilina, PN


Ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquililna sostna fil-Parlament li Malta hi mifqugħa bid-droga u appella lill-gvern biex ibiddel ir-rotta u jkun iebes mat-traffikanti.

Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu parlamentari dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda Liġijiet Varji dwar id-Droga, id-deputat Nazzjonalista qal li hu kien se jitkellem ta’ ġenitur li jixtieq li jbiegħed lit-tfal Maltin mill-periklu tad-droga u sostna li l-fatti huma li Malta hi mifqugħa bid-droga, f’kull post u okkażjoni soċjali.

Il-poplu hu inkwetat b’din is-sitwazzjoni u b’din in-normalizzazzjoni tad-droga, sostna Karol Aquilina, li qal li minn kemm ilha li dħalet il-liġi tal-kannabis, l-użu sar inkontrollabbli. Fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar qed jidħlu numru kbir ta’ każi minħabba l-abbuż tad-droga.

Illum hawn numru ta’ nies li saru negozjanti tad-droga u hawn barunijiet tad-droga li jaħdmu b’sistema li jkollhom nies oħra li għandhom il-flus, jitolbuhom il-flus u jagħtuhom lura ammonti ikbar fi żmien qasir. Il-flus ikunu investiti f’konsenji tad-droga u l-flus jerġgħu jkunu investiti, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li hawn nies li f’daqqa waħda jsiru sinjuruni.

Hu appella lill-awtoritajiet biex jieħdu l-ġlieda kontra d-droga bis-serjetà għaliex dan mhux isir. Karol Aquilina qal li d-droga llum li disponibbli bla diffikultà u l-konsum żdied b’mod allarmanti ħafna; din hi r-realtà fil-pajjiż. Hu sostna li jekk il-gvern mhux qed jirrealizza dan, allura għandu diffikultà kbira.

F’Malta hawn traffikar tad-droga mifrux ħafna. Din hi realtà inkwetanti, sostna Karol Aquilina, li kompla li rari li qed ikun hemm qbid tad-droga meta hu magħruf li hawn ħafna droga fl-idejn. Minkejja din ir-realtà, il-gvern mhux f’sensih biex jindirizza din il-problema iżda qed jagħmel l-oppost. Fil-fatt, il-gvern mhu se jgħid xejn kif se jsaħħaħ il-ġlieda kontra d-droga, sostna Karol Aquilina, li kompla li dan hu ta’ inkwiet kbir fil-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista qal li llum hu biss il-PN li jrid jagħmel ġlieda bla ħniena kontra t-traffikanti tad-dorga waqt li l-gvern irid li dawn ikunu trattati bl-ingwanti tal-belluż. Il-pożizzjoni tal-PN hi gwerra kontra t-traffikanti tad-droga u ħniena mal-vittmi; iżda l-ewwel trid issir il-gwerra. Il-gvern għandu jispjega l-pjan tiegħu biex jiġġieled id-droga fil-pajjiż; s’issa dan mhux isir.

Meta tniedet il-konsultazzjoni pubblika, il-PN mill-ewwel qal li din hi t-tkomplija tan-normalizzazzjoni tad-droga fil-pajjiż u biha l-gvern qed jinċentiva l-abbuż. Il-fatti huma li jekk persuna tinqabad b’500 pillola extacy ma tkunx vittma għaliex ikun qed jagħmel l-eluf.

Dawn huma traffikanti u mhux vittmi tad-droga. Minkejja l-attakki li kienu saru fuq il-PN, illum il-gvern kellu jibla’ kliemu u jammetti li l-PN kellu raġun. Min jinqabad b’200 gramma kokaina jew kilo kannabis ma jkunx vittma iżda jkun traffikant, sostna Karol Aquilina, li qal li l-gvern kellu jiskuża ruħu dwar il-pożizzjoni li kien ħa.

Ħafna mill-proposti li hemm f’dan l-abbozz ma kinux inklużi fil-konsultazzjoni pubblika. Din il-liġi kienet pubblikata fil-15 ta’ Ottubru 2024, bil-pjan ikun li t-Tlieta 22 ta’ Ottubru 2024 se jkun diskuss; proprju bl-għaġla.

Karol Aquilina qal li l-gvern ma ppubblikax il-feedback kollu li kellu fil-konsultazzjoni pubblika u appella biex il-gvern jippubblika din il-feedback.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li jirriżulta wkoll li l-gvern ma bagħatx dan l-abbozz lil dawk involuti fis-settur u staqsa jekk il-punt jekk wieħed imurx quddiem il-Qorti Kriminali jew tal-Maġistrati kienx inkluż fid-dokument ta’ konsultazzjoni pubblikata.

Hu staqsa jekk il-Ministru tal-Ġustizzja tefax din il-proposta fil-liġi bit-tama li ma jinduna ħadd; dan hu l-ingann. Sagħtejn qabel id-diskussjoni fil-Parlament, il-Ministru tal-Ġustizzja sejjaħ lill-midja biex iwassal il-messaġġ tiegħu iżda ma qallhomx il-fatti kollha mil-liġi. Il-Ministru tal-Ġustizzja nqabad li jagħmel affarijiet li jgħid li jfissru mod, imbagħad dawn ikunu jfissru mod ieħor.

Din l-għaġla kollha qed tqajjem suspett, sostna Karol Aquilina, li kompla li l-ammonti ta’ drogi li huma fl-iskeda mhijiex se tinbidel. Minkejja dan, il-gvern daħħal klawsola żgħira li tgħid li din il-parti tal-liġi tista’ tinbidel mill-ministru waħdu b’sempliċi avviż legali.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern ma jridx li l-gvern jiddiskuti l-proposta iżda jrid li jkun il-ministru waħdu li jiddeċiedi. Il-gvern qallhom lill-għaqdiet li jaħdmu fis-settur tal-vittmi tad-droga? Il-fatti huma li l-gvern ma kkonsulta lil ħadd u għalhekk il-gvern ma jistax ikun fdat.

Karol Aquilina kompla li l-gvern għandu jispjega kif se jagħmel skeda oħra li qed jiżdiedu l-ammonti imma dawn biex ikun speċifikat jekk persuna tmurx quddiem Qorti tal-Maġistrati jew Kriminali. Hu sostna li fil-Qorti tal-Maġistrati l-piena hi 12-il sena waqt li quddiem il-Qorti Kriminali l-piena hi għomor il-ħabs.

F’Malta s’issa ħadd għadu ma mar għomru l-ħabs dwar traffikar tad-droga u ninsab skandalizzat dwar dan, sostna Karol Aquilina, li appella lill-ġudikanti biex ikunu iktar iebsa meta jiġġudikaw lit-traffikanti tad-droga. M’għandu jkun hemm l-ebda ħniena mat-traffikanti tad-droga, sostna Karol Aquilina, li qal li hawn ġenerazzjoni li qed tabbuża mid-droga bil-kbir.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern irid li min hu traffikant tad-droga ma jkunx trattat f’ġuri iżda jmur quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, fejn il-piena hi inqas. Ma’ min ikkonsulta l-gvern dwar din ir-riforma?
Dwar l-użu tal-armi, Karol Aquilina qal li intenzjonalment tħallew xi kliem barra fosthom l-użu ta’ arma regolari. Il-liġi għandha difett għaliex ma tispeċifikax x’jiġri jekk persuna twettaq reat b’użu ta’ arma tan-nar.