Lokali

NIŻVELAW: Id-Direttur tal-Ħabs kien qal li “żelaq u ħabat rasu” – illum sirna nafu li kien omiċidju

Pressjoni kbira fuq il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri u fuq id-Direttur tal-Ħabs Chris Siegersma wara l-istorja li ġie żvelata fl-aħħar sigħat dwar dak li seħħ f’Monte Carmeli f’Lulju li għadda – dan hekk kif issa hemm raġel li ammetta li kien hu li qatel lil Jesmond Gatt.

Kollox beda minn dik il-famuża ġurnata meta Gatt instab mejjet f’għadira demm fil-Forensic Unit, fejn jinżammu l-priġunieri. Dakinhar, Siegersma kien iddikjara li l-priġunier “waqa’ u ħabat rasu”.

Issa, wara tliet xhur, min qatel lil Gatt ammetta mal-istaff ta’ Monte Carmeli li kien hu. B’riżultat li nibtu dubji serji jekk xi ħadd ipprovax jaħbi dak li seħħ verament – għaliex kieku ma tkellimx dan il-priġunier, kieku kien jibqa’ kollox mistur.