Lokali Parlament

Problemi kbar fl-iskejjel b’kotba li mhumiex aġġornati


Justin Schembri, PN


Ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri qal fl-Aġġornament tal-Parlament li hemm problemi kbar fl-iskejjel b’kotba li mhumiex aġġornati.

Justin Schembri qal li l-gvern ikkommetta ruħu li lill-istudenti tas-7 u t-8 sena skolastika jagħtihom laptop, li f’dinja li dejjem tavvanza hu għodda imperattiva għat-tfal fl-iskejjel.

Il-ġenituri qed jilmentaw fl-eluf ta’ fotkopji li jintalbu jagħmlu għal uliedhom. Waħda mill-problemi huma l-kotba li mhumiex aġġornati biżżejjed bil-konsegwenzi li qed jitqassmu l-kotba li ma jintużawx.

Dan qed iġiegħel lill-għalliema li jippreparaw il-kotba fil-forma ta’ karti. Kieku hawn viżjoni dwar is-sillabi li timxi mal-iżviluppi teknoloġiċi kif hemm barra minn Malta, il-gvern seta’ jimpenja lilu nnifsu biex ikun hawn kotba diġitali li jimxu fuq is-sillabi attwali.

Kieku l-gvern żamm mal-wiegħda li jagħti l-lap-tops lill-istudenti, kieku dawn l-istudenti ilhom sentejn li għandhom għodda diġitali.

Jeħtieġ ukoll infrastruttura tajba biżżejjed biex tiflaħ għal dan l-użu. Minkejja li dawn huma affarjiet bażiċi, għad hawn problemi kbar fl-iskejjel b’mijiet ta’ kotba mormijin fil-libreriji ma jafux x’se jsir minnhom.Għad hawn studenti li jġorru l-kotba kuljum fuq darhom meta mhux kollha jkunu se jintużaw. Ma’ dawn għadhom isiru eluf ta’ fotokopji. Għad lanqas hemm pjani ta’ kotba diġitali tal-iskola.

Il-pajjiż m’għandux kotba tal-iskejjel aġġornati u lanqas strateġija dwar it-toqol tal-basktjiet. Jeħtieġ ħsieb għal direzzjoni diġitali li tagħti riżultati futuri pożittivi, sostna Justin Schembri.