Brażiljan qal fil-Qorti li xufier tat-taxi li kien riekeb miegħu, tah daqqa ta’ sikkina fuq spallejh dan għax kull ma qallu kien biss biex isuq aktar bil-galbu fit-triq. Mohamed Bashir Ibrahim Aljalli, Libjan ta’ 37 sena, qed jiġi mixli li fera raġel Brażiljan fl-1 ta’ Ottubru li għadda waqt li kien qed iwasslu minn Paceville lejn il-Belt.
L-allegat vittma kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra x-xufier Libjan tat-taxi li jinsab akkużat li ta daqqa ta’ sikkina u weġġa’ lill-vittma u kien fil-pussess ta’ sikkina mingħajr il-permess tal-Pulizija. Hu qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Ix-xhud spjega lill-Maġistrat Monica Vella li kien qabad taxi minn Paceville għall-Belt Valletta u fi vjaġġ ta’ 10 minuti biss, qallu aktar minn tliet darbiet biex isuq aktar bil-mod għax beda jikser bil-goff u jsuq qrib ħafna tal-bankina. Ix-xufier wieġbu lura biex ma jindaħalx f’xogħlu u qallu wkoll “Welcome to Malta”.
Meta waslu l-Belt Valletta, ix-xufier qal lill-vittma li jrid iħallsu għall-vjaġġ minkejja li diġà kien tħallas minn fuq l-app. Ix-xhud qal li tah €10 biex ma jaqlax inkwiet iżda x-xufier allegatament baqa’ ma kienx sodisfatt b’dan l-ammont.
Ix-xhud qal li x-xufier ħareġ mit-taxi u “beda jipprova jintimidah” billi joffendih u anke tah daqqa ta’ ponn fix-xedaq. Wara dan l-inċident, ix-xhud beda miexi lura lejn daru iżda innota dell miexi warajh li kien tax-xufier.
Meta l-allegat vittma ra li x-xufier kien ġej għalih, hu għolla jdejh biex jipprova jiddefendi ruħu u rrealizza li dan kien ġej għalih b’xafra f’idejh. Il-vittma reġa’ ġie aggredit u nduna li kellu ferita fi spallejh u bdiet tnixxi d-demm.
Wara dan, ix-xufier ħarab minn fuq il-post u x-xhud mar l-Isptar Mater Dei fejn qatta’ lejl. Matul is-seduta xehdet ukoll tabiba li invistat lill-vittma u sid il-vettura tal-akkużat.
Il-każ ikompli f’Diċembru.
L-avukat Julia Micallef Stafrace qed tirrappreżenta lix-xufier. L-avukat Francesca Zarb qed tirrappreżenta lill-vittma. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Brendan Hewer mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Gabriel Micallef.
//= $special ?>