Il-Gvern qed jistaqsi lill-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA) għal lista ta’ nies li għadhom qed jistennew il-pagamenti għax-xogħol li wettqu. Dan meta kemm il-Kummissjoni għall-Films kif ukoll il-Gvern suppost għadhom id-data neċessarja ta’ min qabbad jaħdimlu, u min qed jistenna flusu bi dritt.
Matthew Maggi, li jaħdem f’din l-industrija, saħaq ma’ Net News li qed iħossu mwarrab u diżappuntat, filwaqt li nsista li nħoloq ambjent li nnormalizzat sitwazzjoni li ddum ma titħallas mill-Gvern.
Huwa saħaq li hemm anke barranin li għadhom ma tħallsux mill-Gvern. U dan qed ittappan ir-reputazzjoni ta’ Malta.
Il-producer u kittieb Matthew Maggi saħaq li din mhux xi sorpriża li allegatament il-Prim Ministru ma kellux idea b’din il-problema kbira li qed jaffaċċjaw nies fl-industrija – u jittama li verament Abela ma kellux idea b’dan kollu għax suppost wieħed jirreaġixxi għal din il-kriżi; imma sal-laqgħa li saret fl-aħħar jiem, il-Gvern kien għadu ma għamel xejn.
Huwa temm jgħid li wara din il-laqgħa jinsab infurmat li Abela talab lill-Ministru Clayton Bartolo l-ismijiet tan-nies li għadhom qed jistennew biex jitħallsu. Madanakollu, allegatament il-Ministeru qed jitlob lill-artisti biex jersqu ‘l quddiem huma…. meta dan suppost jaf eżattament min huma.
Matthew Maggi insista li l-fjask u d-diżastru ħolqu l-Ministeru u l-Gvern, u issa jrid jara kif se jsolvih mill-aktar fis possibbli.