Lokali

Żagħżugħ arrestat wara sejba ta’ kokaina, ketamina u MDMA

Raġel ta’ 28 sena residenti l-Imsida ġie arrestat kmieni lbieraħ filgħodu wara li nstabu fil-pussess tiegħu numru ta’ qratas b’sustanzi fosthom kokaina, ketamina u MDMA.

Waqt li l-Pulizija kienu qegħdin jagħmlu ronda fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan, lemħu persuna b’sigarett f’ħalqu f’wieħed mill-istabbilimenti tad-divertiment. Meta ressqu lejn l-individwu u infurmawh li ma jistax isir tipjip fuq ġewwa, dan beda jimbotta lill-uffiċjali u jirreżisti l-arrest.

Fi tfittxija li saret fuq ir-raġel instabu 21 qartas b’sustanzi varji allegatament droga, filwaqt li minn aktar tfittxijiet li twettqu fil-vettura u r-residenza tar-raġel, il-Pulizija ġabret ammont ta’ oġġetti relatati mal-bejgħ ta’ droga.

Ir-raġel ġie arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum.