Lokali

200 rapport ta’ abbuż fuq it-tfal kull xahar

Huma aktar minn 200 ir-rapporti ta’ abbuż fuq it-tfal kull xahar. Iżda huma biss 55 il-ħaddiema fid-direttorat għall-protezzjoni tat-tfal.

Dawn in-numri ġew ikkonfermati f’konferenza li saret l-Erbgħa filgħodu f’għeluq it-30 sena minn mindu beda d-direttorat għall-protezzjoni tat-tfal. Bid-direttur għall-protezzjoni tat-tfal Antonella Mizzi tispjega li l-ħaddiema mhux qed ilaħħqu mat-talbiet li qed ikun hemm.

Id-direttur spjegat kif 30 sena ilu d-direttorat telaq minn ambjent fejn materji familjari kienu jinżammu aktar mistura filwaqt li kien hemm involviment qawwi ta’ qraba li mhux neċessarjament kienu l-ġenituri tat-tfal.

Hija fissret li b’differenza hi li llum il-ġurnata hawn aktar għarfien dwar id-diffikjultajiet differenti li qed jesperjenzaw it-tfal f’pajjiżna fosthom; żieda f’dawk li jgħixu f’dar li tesperjenza vjolenza domestika, online safety u s-saħħa mentali.

Intant, f’intervista li saret dan l-aħħar mal-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti, ġie spjegat li b’55 impjegat li għandhom 25 każ kull wieħed – is-sistema mhux qed tlaħħaq.

Huwa spjega li biex is-sistema tlaħħaq mal-200 każ fix-xahar, hemm bżonn total ta’ 96 persuna jaħdmu fid-direttorat għall-protezzjoni tat-tfal – cioè 49 persuna aktar minn dawk li hemm jaħdmu bħalissa.

Grixti spjega wkoll li huma 14% il-każijiet li fl-2023 ma kellhomx uffiċjal allokat, bil-Kap Eżekuttiv jgħid li kienu 23,729 il-persuni li ġew assistiti mill-FSWS.