Raġel ta’ 66 sena mis-Siġġiewi ġie mixli li għamel dikjarazzjoni falza lill-awtoritajiet b’rabta mal-każ ta’ ‘gerrymandering’ fis-Siġġiewi. Il-każ imur lura għal April, fejn instabu 99 votant li kienu reġistrati b’mod falz bħala residenti f’Binja Silvio Parnis, proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali dak iż-żmien li kien għadu qed jinbena.
Il-Qorti kienet ordnat li l-indirizzi uffiċjali tal-votanti jiġu trasferiti lura lejn il-post ta’ residenza attwali tagħhom u tat struzzjonijiet lill-Pulizija biex tinvestiga l-kwistjoni. Il-persuni inkwistjoni kellhom il-karti tal-identità tagħhom trasferiti fl-indirizz il-ġdid fl-aħħar ġimgħat ta’ qabel l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u tal-Ewropa minkejja li l-binja għadha ma setgħetx tilqa’ n-nies.
B’mod sinifikanti, 73% ta’ dawn in-nies ġejjin minn tliet lokalitajiet li jiffurmaw parti mill-kostitwenza tal-ministru tad-djar Roderick Galdes. Galdes kien irrefera għall-każ bħala “media spin.” L-Erbgħa, il-pensjonant Eugenio Camenzuli deher quddiem il-Maġistrat Anne Marie Thake, wara li tressaq il-Qorti b’ċitazzjoni. Camenzuli wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
L-Ispettur tal-Pulizija mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi Michael Tabone, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, qal lill-Qorti li l-Pulizija kienet irċeviet erba’ digrieti maħruġa mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fil-15 ta’ Mejju, li rrakkomandaw aktar investigazzjonijiet dwar dikjarazzjonijiet foloz allegatament magħmula minn Camenzuli meta biddel l-indirizz tiegħu għal binja Silvio Parnis.
Il-Maġistrat Frendo Dimech kienet għamlet żjara fiżika fuq il-binja, u skopriet li din kienet diżabitata. Fiż-żmien li Camenzuli kien ġie reġistrat bħala residenti f’Binja Silvio Parnis, fil-fatt kien qed jgħix xi mkien ieħor, ma’ oħtu.
Camenzuli ġie arrestat u interrogat f’Ġunju tal-2024, u instab li kien għadu jgħix ma’ oħtu fis-Siġġiewi. Għalkemm dak iż-żmien l-akkomodazzjoni soċjali tar-raġel kienet għadha bla għamara, huwa kien wera formoli ma’ Identità, fejn iddikjara li mar joqgħod fl-appartament.
Tabone sostna li Camenzuli kien għamel dikjarazzjoni falza billi ta informazzjoni skorretta lill-awtoritajiet dwar l-indirizz residenzjali tiegħu. L-ispettur talab il-permess tal-Qorti biex jesebixxi r-rekords tal-każ li kien wassal għal proċeduri kriminali.
L-Avukat Ramona Attard, li qed tassisti lil Camenzuli f’dan il-każ, oġġezzjonat għar-raġuni li l-klijent tagħha ma kienx ingħata d-drittijiet legali tiegħu matul dawk il-proċeduri, li wkoll kienu separati u li fihom id-difiża ta’ Camenzuli ma setgħetx ikollha kontro-eżami tax-xhieda.
Il-Qorti, iżda, laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni u ordnat li l-atti ta’ dik il-kawża jiġu esebiti wkoll fil-proċeduri kontra Camenzuli, u ordnat li x-xhieda tagħha jiġu mħarrka biex jixhdu sabiex id-difiża tagħmel kontro-eżami tagħhom jekk tixtieq.
//= $special ?>