Futbol Sport

Barcelona b’rebħa kbira fuq Bayern Munich… Inter jegħlbu lil Young Boys b’gowl fl-aħħar sekondi

(Ritratt: EPA)

Barcelona kisbu t-tieni rebħa hekk kif għelbu lil Bayern Munich bl-iskor konvinċenti ta’ 4-1. Partita mill-aqwa mit-tim immexxi mill-eks kowċ ta’ Bayern Hansi Flick.

L-istilla Brażiljana Raphinha kien protagonista f’din il-partita meta sab ix-xibka fi tliet okkażjonijiet, biex l-eks attakkant ta’ Bayern Robert Lewandowski ukoll niżżel ismu fost l-iskorer.

Raphinha dam biss minuta biex skorja l-ewwel gowl tal-partita hekk kif għeleb lil veteran Manuel Neuer b’xutt b’saħħtu mill-pass filtranti taż-żagħżugħ Fermin Lopez.

Il-Ġermaniżi rnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs għal ftit ħin hekk kif l-Ingliż Harry Kane sab ix-xibka fit-18-il minuta minn assist ta’ Gnarby.

Fis-36 minuta l-eks stilla ta’ Bayern Munich Robert Lewandowski għamel l-iskor 2-1 hekk kif ikkonkluda fix-xibka mit-tieni assist tal-partita għal Lopez.

Qabel tmiem l-ewwel taqsima, La Blaugrana kabbru l-iskor permezz tal-Brażiljan Raphinha li skorja t-tieni gowl personali tiegħu.

Barcelona kkonfermaw ir-rebħa fis-56 minuta meta Raphinha għaqqad il-hattrick personali meta kkonkluda fil-baxx il-kontrattakk veloċi tal-istilla żagħżugħa Lamine Yamal.

Jirbħu fl-aħħar mumenti

Inter irnexxielhom isalvaw tliet punti b’gowl verament lejn l-aħħar, ta’ Marcus Thuram fit-93 minuta, hekk kif in-Nerazzuri kellhom anke gowl imħassar minn Arnautovic fit-48 minuta.

Rebħa xejn sorprendenti għal Manchester City li għelbu lil Sparta Prague 5-0 fl-Etihad Stadium. Is-Citizens bdew jiskorjaw wara biss 3 minuti logħob meta Phil Foden xeħet ġewwa mill-assist ta’ Akanji.

Sparta Prague rnexxielhom jibqgħu reżiljenti fid-difiża sat-58 minuta meta s-Citizens irdoppjaw l-iskor, din id-darba mill-attakkant prolifiku Erling Haaland li niżżel ismu fost l-iskorers b’xutt għoli mill-kross ta’ Savinho.

Sitt minuti wara jasal it-tielet gowl, din id-darba skorjat minn John Stones li jsib ix-xibka mill-korner ta’ Nunes b’daqqa ta’ ras tajba. It-tieni partita konsekuttiva li Stones isib ix-xibka hekk kif skorja l-gowl deċiżiv fir-rebħa kontra Wolves il-Ħadd li għadda.

Erling Haaland skorja t-tieni gowl personali fit-68 minuta, b’Matheus Nunes jikseb it-tieni assist tal-partita.

Matheus Nunes irnexxielu jkompli l-partita stupenda tiegħu meta sab ix-xibka fit-88 minuta minn penalty għall-ewwel gowl tiegħu ma’ Manchester City.

Minn naħa l-oħra tkompli l-avventura mhux daqstant tajba għal RB Leipzig hekk kif għadhom qed ifittxu l-ewwel punti wara tliet partiti wara li tilfu l-konfront kontra Liverpool bl-iskor minimu ta’ 1-0. Kien Darwin Nunez li sab ix-xibka fis-27 minuta għall-gowl deċiżiv.

Atalanta ħadu t-tieni draw tal-kampjonat s’issa hekk kif ġew miżmuma minn Celtic fil-Gewiss Stadium, bl-iskor finali jkun 0-0.

Minn naħa l-oħra, partita oħra li ntlagħbet fis-6:45pm, punt ukoll għal Bayer Leverkusen u Brest bl-iskor ikun 1-1.

Il-Ġermaniżi fetħu l-iskor l-ewwel fl-24 minuta mill-istilla Florian Wirtz b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa indirizzat lejn ir-rokna t’isfel tax-xellug mill-assist ta’ Hodmann, segwit mill-gowl tad-draw tal-Franċiżi fid-39 minuta permezz tal-midfielder Pierre Lees-Melous, li simili bħall-avversarju tiegħu sab ix-xibka b’xutt minn barra l-kaxxa.

Lille ħadu t-tieni rebħa u telgħu mal-ewwel ħmistax hekk kif għelbu lil Atletico Madrid 3-1 fil-Civitas Metropolitano. Los Colchoneros sab ix-xibka l-ewwel mill-eks plejer ta’ Manchester City Julian Alvarez wara 8 minuti logħob, qabel gowls Zhegrova fil-61 minuta u penalty ta’ David fil-71 minuta taw ir-rebħa lill-Franċiżi. Jonathan David kompla jżid mal-iskor fid-89 minuta.

Feyenoord ukoll kisbu t-tieni rebħa hekk kif għelbu lil Benfica 2-1. Feyenoord sabu x-xibka wara 12-il minuta minn Ayasse Ueda, qabel l-istess Ueda jkollu ċ-ċans jirdoppja fl-24 minuta però l-gowl jiġi kkanċellat bil-VAR.

Antoni Milambo sab ix-xibka għat-tieni gowl tal-Olandiżi fit-33 minuta, biex għal darb’oħra Feyenoord kienu żvinturati hekk kif Gennot Trauner ukoll jara l-gowl tiegħu mħassar fis-57 minuta.

Kerem Akturoglu jiskorja wara siegħa logħob għal Benfica, però ma jkunx biżżejjed għal rebħa għall-Portugiżi hekk kif Milambo jerġa’ jsib ix-xibka fit-92 minuta.

Dinamo Zagreb jieħdu l-ewwel rebħa tal-kampjonat b’rebħa fuq RB Salzburg ta’ 2-0. Il-gowls jaslu minn Sandro Kulenovic fid-49 minuta u Bruno Petkovic fl-84 minuta.

CHAMPIONS LEAGUE
It-Tlieta

Milan v C.Brugge 3-1
Monaco v Crvena Zvezda 5-1
Arsenal v S.Donetsk 1-0
A.Villa v Bologna 2-0
Girona v S.Bratislava 2-0
Juventus v VFB Stuttgart 0-1
PSG v PSV 1-1
R.Madrid v B.Dortmund 5-2
S.Graz v Sporting CP 0-2

Illum
Atalanta v Celtic 0-0
Brest v B.Leverkusen 1-1
A.Madrid v Lille 1-3
Barceloana v B.Munich 4-1
Benfica v Feyenoord 1-3
Man. City v S.Prague 5-0
RB Leipzig v Liverpool 0-1
RB Salzburg v D.Zagreb 0-2
Y.Boys v Inter 0-1


EUROPA LEAGUE
Għada

E.Frankfurt v RFS 6:45pm
Midjylland v St Gilloise 6:45pm
Ferencvaros v Nice 6:45pm
Maccabi v R.Sociedad 6:45pm
PAOK v V.Plzen 6:45pm
Qarabag v Ajax 6:45pm
Roma v D.Kyiv 6:45pm
Anderlecht v L.Razgard 9:00pm
A.Club v S.Prague 9:00pm
Porto v Hoffenheim 9:00pm
Twente v Lazio 9:00pm
Fenerbahce v Man. U 9:00pm
Lyon v Besiktas 9:00pm
Malmo v Olympiacos 9:00pm
Rangers v FCSB 9:00pm
Tottenham v AZ 9:00pm