Lokali

BirdLife Malta tikteb lill-Viċi President Eżekuttiv tal-UE

F’ittra miftuħa, BirdLife Malta tappella lill-Viċi President Eżekuttiv tal-UE, Maroš Šefčovič, biex jieħu azzjoni urġenti kontra l-insib illegali tal-għasafar tal-għana f’Malta.

L-ittra tispjega li minkejja l-impenn ta’ Malta fit-Trattat ta’ Sħubija tal-UE biex gradwalment twaqqaf l-insib sal-2009, il-Gvern reġa’ introduċa din il-prattika fl-2014 permezz ta’ deroga. Il-Kummissjoni Ewropea kienet sfidat dan u fl-2018, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) iddikjarat li l-insib tal-għasafar tal-għana huwa illegali.

Wara, Malta ppruvat iddur ma’ din ir-regola billi bdiet issejħilha “deroga xjentifika” iżda l-Qorti Ewropea reġgħet iddeċidiet li din il-prattika hija illegali f’deċiżjoni tal-2024 (każ 23/23).

Minkejja dan, qalet il-BirdLife Malta fl-ittra lill-Viċi President tal-UE, li l-Gvern Malti injora s-sentenzi tal-ECJ tal-2018 u tal-2024 u reġa’ fetaħ l-insib tal-għasafar tal-għana.

BirdLife Malta sejħet dan bħala ksur tal-liġi tal-UE, tal-prinċipji demokratiċi, u tar-rieda tal-maġġoranza taċ-ċittadini Maltin. Qalet li l-Gvern qed jimmanipula l-liġijiet u jimmina l-awtorità tal-UE.

Għalhekk, BirdLife Malta qed titlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni immedjata, billi tinvoka l-Artikolu 260 tat-Trattat biex tagħlaq l-istaġun tal-insib u żżomm lil Malta responsabbli għan-nuqqas tagħha li ssegwi l-obbligi lejn l-UE.