Futbol Sport

Birkirkara jiksbu s-seba’ rebħa konsekuttiva, Floriana jonqsu milli jżommu l-pass

(Ritratt: Joseph Galea)
Analiżi u kummenti dwar il-Kampjonat Premier

Ikomplu għaddejjin b’ritmu tajjeb Birkirkara hekk kif huma kisbu s-seba’ rebħa konsekuttiva tal-istaġun biex komplew isaħħu l-ewwel post tal-klassifika. L-avversarji tagħhom din id-darba kienu ċ-Champions renjanti Ħamrun Spartans fejn dawn tal-aħħar ħadu vantaġġ bikri fil-partita. Iżda l-kontinwità fit-tim Ħamruniż, din is-sena, tidher li flok żiedu gowl ieħor fejn kellhom iċ-ċans li jagħmlu dan, spiċċaw daħlu għall-mistrieħ minn taħt. U wara li żiedu gowl ieħor mal-ftuħ tat-tieni taqsima qatt ma’ kien hemm dubju fejn ser imorru l-punti. Jekk l-Istripes s’issa kellhom bidu tal-ħolm, l-Ispartans jidher li qed jgħixu f’ħolma. Din kienet it-tielet telfa għal Ħamrun fejn meta wieħed janalizza sew isib li huma rebħu biss tliet logħbiet meta issa resqin lejn tmiem l-Opening Round. Xi ħaġa mhux qed tiffunzjona hemm.

L-attakkant Luke Montebello jikkonverti l-penalty tiegħu kontra Birkirkara (Ritratt: Joseph Galea)

It-tim ta’ Birkirkara jinsab fl-ewwel post bi 22 punt wara 8 partiti (Ritratt: Joseph Galea)

Floriana naqsu li jżommu l-pass ma’ Birkirkara, dan wara li huma sfaw miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Marsaxlokk. Għal dawn tal-aħħar dan kien it-tielet riżultat pożittiv wara żewġ rebħiet konsekuttivi. Kienu huma li fetħu l-iskor u l-aktar tim li kien ta’ periklu. Fil-fatt anki wara li l-Greens kisbu l-gowl tad-draw, xorta waħda qamu għall-okkażjoni fejn kellhom il-mumenti tagħhom. Apparti appelli għal penalty li ma ngħatax, huma ħasbu li skurjaw il-gowl tar-rebħa iżda dan ġie mħassar għal pożizzjoni ta’ offside li possibbilment ma kenetx teżisti. Mill-banda l-oħra, Floriana issa jinsabu sitt punti taħt il-leaders Birkirkara fejn minkejja għadhom ma’ tilfu ebda logħba, ħadu xejn anqas minn erba’ draws li dawn swewhom il-punti.

Marsaxlokk kisbu l-ewwel draw tal-istaġun kontra Floriana (Ritratt: Catriel Farrugia)

Floriana jinsabu fit-tieni post b’ 16-il punt (Ritratt: Catriel Farrugia)

Tliet punti importanti wkoll għal Sliema b’rebħa bl-iskor ta’ 2-0 kontra Żabbar SP biex komplew iżommu t-tielet post tal-klassifika. Kien rebħa meritata għat-tim immexxi minn Paul Zammit li ħarġu b’determinazzjoni kbira sabiex jiksbu l-punti massimi. Huma skurjaw il-goals tagħhom fl-ewwel kwart tal-logħba biex setgħu jirrilassaw xi ftit u jnaqqsu l-pressjoni minn fuqhom. Fil-fatt minkejja li Żabbar SP kien tim kunfidenti xorta waħda rajna lil Sliema jkun superjuri f’kull aspett tal-partita. Din kienet ukoll l-ewwel logħba tal-kowċ il-ġdid ta’ Żabbar SP u għaldaqstant irridu nistennew ftit sabiex naraw xi tibdil. Biex ikomplu jikbru l-problemi għal Żabbar, l-aħħar għoxrin minuta spiċċaw bi player anqas.

Naxxar Lions u Gżira United spiċċaw il-konfront tagħhom fi draw ta’ 1-1. Riżultat li prattikament ħalla lil kulħadd fl-istess pożizzjoni.  Il-Lions li kienu tattikament dixxiplinati u perfetti ħafna fejn imxew mal-pjan tal-kowċ George Vella. Fil-fatt, huma rażżnu b’mod tajjeb ħafna l-furja ta’ Gżira United. L-ewwel taqsima rajna l-aħjar ta’ Naxxar bil-Maroons juru titjib konsiderevoli fit-tieni taqsima fejn għamlu biżżejjed biex jieħdu xi ħaġa minn din il-logħba. Rebħa għall-Maroons kienet tressaqhom aktar lejn l-ewwel sitta peress li bħalissa jinsabu fil-periferija. Għal Naxxar jidher li d-destinazzjoni tagħhom fi tmiem l-Opening Round ser tkun fir-Relegation Round.

Id-difensur Gabriel Bohrer jaqbeż għal daqqa ta’ ras kontra Naxxar Lions (Ritratt: Trevor Sollars)

Takuma Yamaguchi jittanta xortih (Ritratt: Trevor Sollars)

Melita kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun, dan wara li huma għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 2-0. Kienet rebħa mistħoqqa għat-tim immexxi minn Clive Mizzi biex issa ilhom tliet logħbiet bla telfa.  U minkejja li din id-darba ma’ niżżilx ismu fost l-iskorers, Andre Carlos Penha da Costa kien l-aħjar player għalihom fejn mexxa lit-tim sabiex skorja gowl f’kull taqsima u kiseb tliet punti prezzjużi.  Dan ir-riżultat kien ta’ diżappunt għal Balzan fejn għalihom din kienet ir-raba’ telfa tal-istaġun. Balzan issa jinsabu fit-tmien post tal-klassifika u minkejja li għadhom jemmnu li jistgħu jkunu mal-ewwel sitta, logħbiet diretti bħal din ta’ nhar il-Ħadd li għadda ma jistgħux jintilfu. Aktar u aktar meta fil-bidu tal-logħba kienu dominanti u tilfu diversi ċansijiet ta’ skor.

Gowl kmieni fil-partita minn Mosta kien biżżejjed sabiex huma kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva u jinsabu jħabbtu l-bieb taċ-Championship Round. Għal darb’oħra Hibernians naqsu għat-tieni partita konsekuttiva milli jirbħu biex il-problemi għat-tim minn Raħal Ġdid ikomplu jikbru. Mosta kellhom partita oħra tajba fejn spikka b’mod partikolari l-player veteran Clayton Failla li kien il-mutur tat-tim Mosti. Kien hu wkoll li salva lit-tim tiegħu bi clearance minn fuq il-linja. Jidher li l-kalendarju ta’ logħbiet jista’ jkun li jaffovorixxi lil Mosta iżda jridu jkunu konxji wkoll mill-fatt li kull tim jagħtik sfida denja u ħadd ma’ jista jħossu komdu li joħroġ għal xi logħba rilassat.

INNUTAJNA

LI  l-player ta’ Żabbar SP Jovancic tkeċċa għat-tieni darba dan l-istaġun jew aħjar it-tieni tkeċċija fi tmien logħbiet. Huwa kien diġà tkeċċa fil-partita kontra Naxxar Lions qabel ma’ għadda mill-istess eżitu nhar il-Ħadd kontra Sliema W.

LI t-Tony Bezzina Stadium offra spettaklu fil-logħba Birkirkara kontra Ħamrun Spartans. Prattikament dawk l-ingredjenti ta’ Matchday experience. L-atmosfera ta’ qabel il-partita, fil-ħalf time u l-istruttura tal-istadium komplew isebbħu dan il-konfront. Tibqa’ prijorità ewlenija u urġenti l-bini ta’ ground ġdid b’kapaċità żgħira biex il-futbol lokali jkompli jissebbaħ.  

LI  qabel il-partita li Hibernians lagħbu kontra Mosta fit-Tony Bezzina Stadium, l-attakkant Pawlist Jurgen Degabriele ġie ppreżentat bin-numru 300, li jindika l-ammont ta’ partiti li huwa lagħab ma’ Hibernians.