Lokali Parlament

Il-bidliet fil-pjani lokali kienu instigati mill-proġett ta’ Villa Rosa


Il-bidliet fil-pjani lokali għaz-zona ta’ San Ġiljan kien instigat mill-proġett ta’ Villa Rosa wara li dan tressaq quddiem il-gvern.

Dan jirriżulta minn tweġibiet li ta l-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Clint Camilleri meta llum kien qed jipparteċipa f’laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Fil-ġimgħat li għaddew, hekk kif inqalgħet il-kontroversja dwar il-proġett ta’ Villa Rosa, il-PN ressaq proposta biex il-Kumitat Parlamentari jiltaqa’ b’mod immedjat u jiddiskuti din il-proposta, iżda l-gvern m’għamilx dan il-kumitat.

Fil-fatt, dan il-kumitat iltaqa’ llum wara li fil-bidu tas-seduta parlamentari, ix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg resqet mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex il-Parlament jiddiskuti l-bidliet fil-pjani lokali b’mod immedjat. Il-Ministru għall-Ambjent Clint Camilleri wieġeb li l-gvern kien lest li minflok issir seduta parlamentari, jiltaqa’ dak il-ħin stess il-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Iżvilupp.

Wara li l-Kamra kienet sospiża, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li l-Kumitat kien se jiltaqa’ dak il-ħin.

Fil-kumitat, il-gvern kien rappreżentat mid-deputati Laburisti Chris Agius, Carmelo Abela u Deo Debattista, li ppresieda l-kumitat, waqt li l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mid-deputati Nazzjonalisti Stanley Zammit, Rebekah Borg u Eve Borg Bonello.

Meta wieġeb diversi mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni, il-Ministru Camilleri qal li kien iltaqa’ mal-iżviluppatur u spjega li hu min-natura tal-iżviluppaturi li dawn imorru jippreżentaw il-proposti tagħhom lill-politiċi. Hu qal li jkollu ħafna laqgħat minn dawn ma’ żviluppaturi u żied li dawn huma deċiżjonijiet li jridu jittieħdu kuljum.

Mistoqsi dwar il-linji gwida marbuta mal-għoli tal-proġett u ma’ xiex se timxi l-Awtorità tal-Ippjanar, il-Ministru Camilleri qal li ma jistax ikun li l-gvern jistenna proċessi twal li jieħdu snin jew li l-awtoritajiet jibqgħu ċassi quddiem ċirkostanzi li fihom ikun hemm bżonn ta’ intervent.

Id-Deputat Nazzjonalista Stanely Zammit qal li dan hu proċess li kien inizjalat minn proġett partikolari li fih il-gvern iddeċieda li ma jintużawx il-pjani lokali jew policies li hemm. Il-Ministru Camilleri qal li allaħares il-gvern ikun ċass quddiem ċertu bidliet. Dan hu investment mill-privat li quddiemu l-gvern ma jistax jibqa’ ma jiħux azzjoni.

Il-gvern iddeċieda li investiment kbir bħal dak ta’ Villa Rosa, għandu jkun immaniġġjat aħjar biex ikun aħjar għal kulħadd. Hu qal li l-gvern m’għandux joħnoq investiment bħal dan u żied li proġetti ta’ ċertu daqs għandhom jikkunsidraw spazji miftuħa f’din iz-zona u l-opinjoni tal-pubbliku. Dan hu sit privat li għandu l-permessi u għalhekk il-gvern għandu l-obbligu li jiggwida aħjar fejn u kif dan jista’.

Id-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit staqsa jekk hijiex assunzjoni li jingħad li l-proposti huma aħjar minn dak li hemm, bil-ministru jwieġeb li din hi biss assunzjoni. Il-Ministru Camilleri qal li meta jkunu ppreżentati l-policies il-ġodda, il-gvern jikkunsidra li jmur fil-pubbliku. Il-Parlament jista’ jiddeċiedi li minn dak li hemm propost ma jsir xejn.

Il-Ministru Camilleri qal li hu l-każ li l-gvern qed jara kif se jimmaniġġja l-proġett aħjar bħala spazju u bħala limitazzjonijiet tal-għoli. Hu żied li hemm skrutinju fl-applikazzjoni quddiem l-Aworità tal-Ippjanar u qal li l-gvern qed jipprova li minn proġett b’investiment sostanzjali, id-disinn taz-zona jkun aħjar kemm fl-ippjanar kif ukoll li z-zona li fuqha jsir l-iżvilupp ikun iżgħar. Il-Ministru Camilleri kompla li l-gvern irid li dan l-iżvilupp isir u jagħti riżultat aħjar.

Id-deputat Nazzjonalista Rebekah Borg staqsiet kif se jkun aħjar dan l-investiment bil-ministru jwieġeb li lanqas hu għad m’għandu pjanti dwar il-proġett. Din hi l-fażi tal-objettivi, sostna l-Ministru Camilleri.
Mistoqsi kif dan it-tibdil fil-pjan lokali se jipproteġi l-ambjent, il-Ministru Camilleri qal li jista’ jkun hemm partijiet mill-widien li jistgħu jkunu żviluppati jew protetti bħala zoni sensittivi.

Mistoqsi jkun dirett mid-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg, il-Ministru Camilleri qal li se jkun hemm zoni sensittivi li jkunu protetti aħjar jew ikun hemm iktar skrutinju fid-disinn tal-iżvilupp. Bħalissa l-gvern għandu biss l-objettivi, sostna l-Ministru Camilleri, li insista li m’hemm xejn definit.

Il-Ministru Camilleri qal li bħala ministru responsabbli mill-Awtorità tal-Ippjanar hu ppreżenta l-objettivi lill-Awtorità u żied li dawn huma l-uniku direzzjoni li hu ta. Mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Eve Borg Bonello, il-Ministru Camilleri qal li l-objettivi ġew mill-gvern u żied li l-iżviluppatur ma tah l-ebda objettivi għaliex dawn huma abbozzati minn persuni tekniċi.

Stanley Zammit staqsa x’tip ta’ struzzjoni ngħatat lill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-Ministru Camilleri wieġeb li l-gvern ta biss l-objettivi lill-Awtorità tal-Ippjanar u kull min għandu pulzier raba’ jippretendi li jagħmel torri sas-sema. Hu sostna li hemm għoli fil-bini li hu sabiħ għaliex ikollu disinn sabiħ.

Stanley Zammit qal li l-estetika ma jidhirx li hi wieħed mill-objettivi u se tkun wieħed mill-proposti tal-Oppożizzjoni. Hu qal li lanqas hemm riferenza għad-densità.

Rebekah Borg staqsiet lill-Ministru Camilleri biex jippubblika l-korrispondenza li kien hemm bejnu u bejn il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar u l-minuti tal-Kunsill. Il-Ministru wieġeb li hu kkomunika biss l-objettivi u jrid jivverifika jekk jistax jippubblika dak li talbet id-deputat Nazzjonalista.

Stanley Zammit enfasizza l-importanza ta’ proċess miftuħ u trasparenti, bil-Ministru Camilleri jwieġeb li ma kellux diffikultà. Il-Ministru Camilleri qal li ma kienx il-kuntrattur li ppropona l-objettivi u l-gvern aċċettahom.

Eve Borg Bonello staqsiet jekk hemmx pjan li jir pjan ħolistiku fuq il-pjani lokali, li issa ilhom mill-2006. Il-Ministru Camilleri qal li bilfors irid ikun hemm il-ħsieb li l-pjani lokali jkunu riveduti b’mod ħolistiku. Hu qal li dak li qed isir issa hu biss reviżjoni parzjali.

Stanley Zammit qal li jidher li z-zona li l-Ministru Camiller talab lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tikkunsidra, mhijiex dik skont il-pjan lokali. Il-Ministru Camilleri wieġeb li ma jafx jekk din hijiex l-istess u żied li z-zona kkunsidrata hi dik ippubblikata.

Id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg insitiet li l-Ministru Camilleri jintrabat li jivverifika jekk jistax jippreżenta d-dokumenti tal-Awtorità tal-Ippjanar mitluba iktar kmieni fil-laqgħa. Il-Ministru Camilleri reġa’ sostna li jekk dawn id-dokuemnti huma miżmuma u bil-liġi ma jistgħux ikunu ppubblikati, allura hu ma kienx lest jikser il-liġi.

Il-kumitat aġġorna għal data oħra.