Il-Gvern Laburista jibqa’ jidħak bin-nies dwar l-isptar ta’ Għawdex u qed ikompli jonqos mit-trasparenza u l-professjonalità.
Huwa ċar anke mill-ammissjonijiet tal-Ministru Jo Etienne Abela stess, li dak tal-bieraħ ma kien xejn għajr eżerċizzju kożmetiku.
Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg u x-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia fissru li l-Gvern wiegħed sptar ġdid f’Għawdex, u qal li l-ewwel fażi għandha titlesta f’Marzu tal-2025. Dan l-isptar suppost ilu li nbeda. Imma din il-wegħda tqajjem aktar dubji milli tagħti ċertezzi.
Il-wegħda ta’ sptar ġdid minna nfisha hi ammissjoni li fl-aħħar mill-aħħar il-kuntratt tal-isptarijiet ma seħħx fil-konkret, lanqas legalment. L-impatt ta’ dan illum qiegħed joħroġ fid-deher.
Kif jista’ jkun li l-Gvern jitwemmen li l-ewwel fażi se titlesta ħames xhur oħra meta ma nafux kemm hemm fażijiet u ż-żmien li għandha tieħu kull fażi? L-ewwel fażi minn kemm?
Kull proġett infrastrutturali f’Malta jeħtieġ permess tal-ippjanar. Din hija xi ħaġa bażika. Iżda l-Awtorità tal-Ippjanar ma jidher li għandha l-ebda applikazzjoni quddiemha għal dan il-proġett. Lanqas ma hemm ħjiel ta’ tendering u project management fuq is-sistemi tal-Gvern. Qisu proġett fantażma.
Il-mod dilettantesk u medjokri kif qiegħed jitħabbar l-Isptar ta’ Għawdex mhuwiex biss diżrispettuż lejn l-Għawdxin, imma juri ċar li dan mhu xejn għajr bżar fl-għajnejn li ma jawgura tajjeb xejn lil ħadd.
L-Għawdxin u l-Maltin li jagħmlu użu mill-Isptar ta’ Għawdex huma mxebbgħin bir-raġun dwar in-nuqqas ta’ faċilità denja għall-2024.
Il-Gvern diġà tmejjel bihom darba, qalu x-Shadow Ministers. Wieħed jispera li din mhix it-tieni darba.
//= $special ?>