Internazzjonali

Il-Libanu: Attakk fuq l-inħawi viċin ħafna ta’ sit tal-patrimonju dinji dikjarat mill-UNESCO

Iżrael qed ikompli bl-attakki fuq iċ-ċentri tal-milizji Xiti tal-Ħeżbollah, fil-Libanu, u bħala parti mill-kampanja biex jelimina s-siti fejn il-milizji qed jisparaw kontinwament il-missili lejn l-ibliet tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Intant, il-komunità internazzjonali esprimiet l-inkwiet wara li l-bumbardamenti mill-ajru laqtu zona, viċin il-baħar u li hi biss ftit metri ‘l bogħod minn sit riservat għall-fdalijiet mill-era tar-Rumani – zona reġistrata mill-UNESCO bħala sit għall-patrimonju dinji.

L-ajruplani tal-Iżraeljani, intant, ikkonċentraw sensiela ta’ attakki fuq il-belt tal-port storika ta’ Tyre – u wara li l-militar ta’ Iżrael kien żied id-direttivi għall-evakwazzjonijiet tar-residenti minn diversi neighbourhoods f’din il-belt Lebaniża u l-madwar.

Filwaqt li ma kienx hemm rapporti dwar vittmi, il-militar Iżraeljan għamilha ċara li kien qed jinsisti ‘bl-azzjonijiet determinati’ kontra l-milizji tal-Ħeżbollah fl-inħawi. Hu minnu wkoll li, fl-aħħar ġimgħat, għexieren ta’ eluf ta’ residenti ħarbu minn Tyre fost il-kampanja intensiva tal-attakki mill-ajru tal-Iżraeljani. Is-sitwazzjoni saret aktar ikkumplikata bl-inkursjonijiet tas-suldati u t-tankijiet tal-gwerra tal-Iżraeljani fl-artijiet tal-Libanu.

Madankollu, hu mifhum li fil-preżent hemm madwar 15,000 li għadhom qed jgħixu fl-inħawi ta’ Tyre u li jinkludu r-refuġjati li, qabel, kienu ħarbu għal hemmhekk minn bnadi oħra tal-Libanu.

Intant, kollox jindika li l-popolazzjoni sħiħa ta’ Tyre għandha tispiċċa evakwata minn dawn l-inħawi, bl-attakki tal-Iżraeljani fuq il-belt mistennija jkomplu.

Fi żviluppi oħra, il-midja tal-Libanu rrappurtat li l-qawwiet tal-ajru tal-Iżraeljani, matul il-lejl tat-Tlieta u l-Erbgħa, attakkaw diversi drabi lis-subborgi lejn in-nofsinhar ta’ Bejrut, il-belt kapitali tal-Libanu. L-attakki sistematiċi konċentraw fuq iz-zoni kollha fejn il-Ħeżbollah għandu preżenza qawwija – minbarra d-depots ewlenin għall-armamenti.