Lokali

Il-Parlament japprova l-Mozzjoni tal-PN biex il-Kumitat tal-Ambjent jiddiskuti r-reviżjoni tal-Pjan Lokali

Ftit tal-ħin ilu, il-Parlament approva b’mod unanimu Mozzjoni li ġiet ippreżentata llum stess mill-Partit Nazzjonalista biex il-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp jiltaqa’ u jiddiskuti d-deċiżjoni tal-Gvern li ssir reviżjoni tal-Pjan Lokali għall-Portijiet tat-Tramuntana ta’ Malta u, b’mod speċifiku, fir-rigward taz-zona tax-Xatt ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan.

Fil-Mozzjoni, ippreżentata mix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg, il-Ministru għall-Ippjanar ġie ordnat jidher quddiem il-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp u jagħti l-informazzjoni u d-dokumenti li jkunu meħtieġa mill-istess Kumitat rigward ir-reviżjoni tal-Pjan Lokali għall-Portijiet tat-Tramuntana ta’ Malta u, b’mod speċifiku, fir-rigward taz-zona tax-Xatt ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan.

Il-Gvern kellu jċedi għall-pressjoni li għamel il-Partit Nazzjonalista u spiċċa kellu jissekonda u jivvota favur il-Mozzjoni ppreżentata mill-Partit Nazzjonalista.

Din hi rebħa li l-Partit Nazzjonalista għamel favur aktar trasparenza u kontabbiltà fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern Laburista ma jippruvax jaqta’ fil-qasir id-diskussjoni fil-Kumitat u li l-Ministru għall-Ippjanar jippreżenta l-informazzjoni u d-dokumenti kollha dwar il-bidla fil-Pjan Lokali.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li kwalunkwe bidla fil-Pjani Lokali għandha sservi biss biex jitħares l-ambjent u biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.