Waqt is-sessjoni tal-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu sar dibattitu sabiex ifakkar seba’ snin mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u jsir rendikont tal-istat tad-dritt f’Malta. Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija David Casa u l-MEP Peter Agius ipparteċipaw f’dan id-dibattitu.
L-MEPs għamlu referenza għar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika, u kkritikaw lill-Gvern Malti minħabba li dawn ma ġewx implimentati. Huma komplew jinnutaw li l-kultura tal-impunità li għamlet l-assassinju possibbli għadha prevalenti ħafna sal-ġurnata tal-lum u ppuntaw lejn in-nuqqas ta’ kundanni għall-korruzzjoni li Daphne kixfet.
L-MEP David Casa qal: “Għandna naħdmu biex nassiguraw li ssir ġustizzja mhux biss għall-assassinju nnifsu, imma anke għall-korruzzjoni kollha li kixfet Daphne fix-xogħol investigattiv tagħha.” Dan, flimkien mal-istat tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika, għandu jkun il-kejl ta’ jekk is-saltna tad-dritt f’Malta hux qed jiffunzjona.
L-MEP David Casa kompla jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura monitoraġġ robust u konsegwenzi effettivi għan-nuqqasijiet fl-istat tad-dritt tal-Gvern Malti. “L-istituzzjonijiet għandhom jipproteġu lin-nies u mhux lill-politiċi korrotti. Huwa meta l-integrità tal-istituzzjonijiet tagħna tkun verament irrestawrata li aħna nkunu qed nagħmlu ġustizzja mal-legat ta’ Daphne.”
Min-naħa tiegħu, l-MEP Peter Agius jinnota li “għal seba’ snin, minflok riformi l-gvern Malti ħa d-demokrazija tagħna fid-direzzjoni opposta. Issa l-gvern irid idaħħal liġijiet ġodda ta’ libell kriminali. Minflok jipproteġi l-ġurnalisti, jrid jipproteġi l-politiċi korrotti!”
L-MEP Peter Agius ikkonkluda billi qal li: “Wasal iż-żmien li l-Kummissjoni Ewropea li jmiss tneħħi l-ingwanti tal-bellus u tiżgura li Malta tirrispetta s-saltna tad-dritt u l-libertà tal-istampa — mhux biss fuq il-karta, iżda fil-prattika!”
//= $special ?>