Lokali

“Irridu nkunu kreattivi u nattiraw aktar investiment barrani”

Fi kliem il-Professur tal-Ekonomija Philip von Brockdorff, is-sostenibbiltà għandha tkun ċentrali fil-Budget li se jiġi ppreżentat nhar it-Tnejn li ġej.

Meta kien qed jieħu sehem f’diskussjoni waqt il-programm NETLIVE mal-konsulent fil-qasam tan-negozju Abigail Agius Mamo, il-Professur von Brockdorff tenna l-importanza li nħarsu l-ambjent ta’ madwarna.

Il-Professur von Brockdorff enfasizza fuq il-ħtieġa li l-ġid jiġi distribwit aħjar. Dan filwaqt li saħaq li l-ekonomija trendi lura għal min għandu dħul baxx.

Filwaqt li tkellem dwar il-bżonn ta’ aktar investiment fl-infrastruttura minħabba l-mod li bih kibret il-popolazzjoni, Philip von Brockdorff insista li hemm bżonn insaħħu l-manifattura u s-settur tas-servizzi finanzjarji. Fl-istess waqt, bħala pajjiż, irridu nkunu kreattivi.

Fl-intervent tiegħu, il-Professur von Brockdorff fakkar fuq l-importanza li nkomplu innaqqsu l-iżbilanċ tal-pajjiż.

Il-preżentazzjoni tal-Budget se ssir nhar it-Tnejn li ġej, u dakinhar Net Television se jkun qed iwassal programm specjali li jibda mill-5:30pm ‘il quddiem.