Internazzjonali

It-Turkija: Kundanna għal azzjoni terroristika ‘immirata għall-interessi u l-istabbiltà tal-pajjiż’

Tal-anqas erba’ persuni nqatlu waqt attakk fuq il-kwartieri ġenerali tal-kumpanija Torka tal-Aerospazju TAI, fil-limiti ta’ Ankara, il-kapitali tat-Turkija. Attakk li l-Gvern Tork qed jirreferi għaliha bħala waħda ‘immirata għall-interessi u l-istabbilità tal-pajjiż’.

L-azzjoni – li fiha ndarbu bejn 14 u 20 – kienet ikkonfermata bħala waħda terroristika mill-Ministru Tork għall-Intern, Ali Yerlikaya, u li kkonferma wkoll li tnejn mill-aggressuri, raġel u mara, spiċċaw innewtralizzati mill-qawwiet tas-sigurtà. Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, ikkundanna dan l-attakk waqt li awgura fejqan ta’ malajr lill-midruba.

Il-kumpannija inkwistjoni hi mmexxija mill-Istat u l-kwartieri tagħha jinsabu xi 40 kilometru ‘l bogħod minn Ankara. L-aggressuri kienu tal-anqas tlieta, u dawn qabdu u fetħu n-nar fuq in-nies li nzertaw anki qabel daħlu fil-kumpless – u fejn anki tajru xi splussivi, fost il-paniku fl-inħawi. Ma kienx magħruf jekk l-aggressuri jirrappreżentawx lil xi grupp partikulari.

Intant, l-aggressuri daħlu fil-kwartieri wara li waslu hemmhekk b’taxi u fejn, wara, kienu segwiti mill-qawwiet tas-sigurtà Torok – bil-ħaddiema tal-kumpannija jfittxu l-kenn fid-diversi sezzjonijiet tal-kumpless.

Dan ukoll fost l-isparar bejn il-qawwiet tas-sigurtà u l-aggressuri u meta fuq il-post bdew jaslu wkoll il-membri tal-Armata Torka.

Il-kumpanija TAI, imwaqqfa fl-1984, tilgħab anki rwol sinifikanti fl-industrija tad-difiża tat-Turkija – bil-kelliema għall-Gvern Tork isostnu li l-attakk x’aktarx li sar b’reazzjoni ‘għas-suċċess tat-Turkija fl-industrija tad-difiża’.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku f’Ankara, sadanittant, beda inkjesta ġudizzjarja dwar l-attakk waqt li s-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Mark Rutte, esprima solidarjetà mat-Turkija filwaqt li kkundanna t-terroriżmu fil-forom kollha tiegħu.

Rutte tkellem anki dwar l-inkwiet tan-NATO għall-aħħar żviluppi fit-Turkija waqt li qal li l-Alleanza qed issegwi mill-qrib is-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż.