Raġel, li ċaħad li ta dqqiet lil ibnu f’wiċċu waqt argument jaħraq, ingħata l-libertà proviżorja. Il-prosekuzzjoni spjegat li fit-22 ta’ Ottubru, l-allegat vittma għamel rapport lill-Pulizija wara li kien inqala’ argument jaħraq bejn it-tifel u missieru.
Ġie kkonfermat minn tabib li l-missier kien ikkawża ‘ġrieħi ħfief’ f’wiċċ l-iben waqt l-argument. Waqt li kien qed jitkellem mal-Pulizija, l-allegat vittma qal li ma riedx li missieru jmur il-ħabs, iżda żied jgħid li missieru daħħallu sens ta’ biża’.
L-akkużat wieġeb mhux ħati, u d-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-iben, u ordnat projbizzjoni li ma jiġux ippubblikati l-ismijiet tal-akkużat u tal-allegata vittma.
Barra minn hekk, ordnat lill-imputat biex ma jsifirx, u żiedet li l-missier m’għandux jitkellem ma’ ibnu jew dwar il-każ ma’ martu. L-akkużat ġie ordnat ukoll jiffirma l-għassa tal-Pulizija, filwaqt li jiddepożita €500 u jipprovdi garanzija personali ta’ €1,000.
L-Ispettur Antonello Magri mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukat Alessandro Lia kien l-avukat difensur.
//= $special ?>