Lokali

L-Irlandiż li qatel lil Nicolette Ghirxi kien fuq “wanted list”… iżda xorta rnexxielu jidħol f’pajjiżna

Fi 72 siegħa, il-Pulizija ma rnexxielhom jagħmlu xejn fuq il-fatt li Nicolette Ghirxi kienet infurmathom bil-preżenza ta’ Edward Johnston f’pajjiżna. Bir-raġuni tkun li l-Pulizija kienu impenjati fuq operazzjoni oħra ta’ traffikar ta’ persuni.

Ghirxi kienet infurmathom fit-8 ta’ Awwissu. U sa erbat ijiem wara, l-Irlandiż kien qatilha.

Dan kollu joħroġ minn rapport li ġie preżentat illum lill-midja u li ssawwar mill-Imħallef Irtirat Geoffrey Valenzia, li mexxa l-Bord tal-Korp.

Dan ir-rapport jitfa’ dawl fuq il-fatt li Edward Johnston kien tpoġġa’ fuq il-wanted list u fuq is-sistema tal-Pulizija. Bejn Mejju u l-bidu ta’ Awwissu, l-Irlandiż kien barra minn Malta. Iżda dak ix-xahar stess – għal xi raġuni – kien irnexxielu jidħol f’pajjiżna.

Dan ukoll iqajjem dubji dwar il-fatt li Johnston, minkejja li kien imfittex, irnexxielu jiżgiċċa mis-sistemi kollha li suppost jiggarantixxu sigurtà mal-fruntieri tagħna.

Jirriżulta li bejn it-8 ta’ Awwissu, meta Ghirxi infurmat lill-Pulizija li Johnston kien Malta, u t-12 ta’ Awwissu, meta hi nqatlet fis-Swatar, ma sar ebda moviment minn naħa tal-Ispettur li kellu f’idejh il-każ tagħha. Bl-istess spettur jgħid li f’dak il-weekend hu kien maqbud b’xogħol ieħor – bir-rapport jerġa’ jtenni li l-każ ta’ Ghirxi kien kunsidrat bħala low risk.

Din l-investigazzjoni mill-Bord tal-Pulizija tikkonkludi li l-każ ta’ Ghirxi ma kienx simili għall-każ ta’ Bernice Cassar. Dan filwaqt li ħelset lill-Ispettur minn kull forma ta’ nuqqas minn naħa tiegħu.

L-istess Bord jirrimarka fuq il-fatt li Nicolette Ghirxi qalet lill-Pulizija li kienet “imħassba”, u mhux li kienet “imbeżża'”

Interessanti l-fatt li fl-aħħar ta’ dan ir-rapport, il-Bord tal-Pulizija jikkwota lill-Ministru Michael Falzon meta insista li l-Pulizija u l-Appoġġ għandhom jindirizzaw każi ta’ fastidju fuq nisa “b’aktar urġenza”.