Lokali

Michael Falzon jaħrab milli jwieġeb fuq deċiżjoni li ħa l-kabinett

Il-Ministru Michael Falzon ħarab milli jagħti raġuni għall-fatt li dawk li suppost kellhom jingħataw il-maħfra presidenzjali fil-każ tas-serq mill-benefiċċji soċjali, għadhom ma ngħatawx il-proklama uffiċjali.

Bil-Ministru jinħeba wara l-fatt li l-każ għadu għaddej fil-Qorti; minkejja li hu kien wieħed mill-membri tal-kabinett ta’ Robert Abela li approva li tingħata l-maħfra presidenzjali lill-persuni involuti, qabel l-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju.

U minkejja li l-għajnuna tal-benefiċċji soċjali taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu – huwa għadu qed jgħid li m’għandux it-total eżatt ta’ kemm insterqu flus permezz ta’ din l-iskema.

Kien f’April ta’ din is-sena – proprju ftit ġimgħat ‘il bogħod mill-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju – li l-Gvern ta’ Robert Abela approva maħfra presidenzjali lil dawk involuti fir-racket tal-allegat serq mill-benefiċċji soċjali; bil-patt u l-kundizzjoni li jħallsu lura dak li serqu.

Intant, dawk li kellhom igawdu l-maħfra presidenzjali rċivew ittra mill-President ta’ Malta li se jkunu qed jingħataw din il-maħfra – iżda s’issa – il-proklama uffiċjali għadha ma ngħatatx.

Din il-kwistjoni spiċċat tqajmet fil-Qorti mill-avukat Jason Azzopardi.

Fid-dawl ta’ dan… ġie deċiż li rappreżentant mill-uffiċċju tal-President tar-Reppublika se jkun qed jintalab jippreżenta u jispjega fil-Qorti dak li seħħ verament.