Il-Prim Ministru m’għandu ebda soluzzjoni tanġibbli biex isolvi l-problema serja tat-traffiku; kriżi li minn xahar għall-ieħor sejra mill-ħażin għall-agħar.
L-unika soluzzjoni reali u li qed taħdem, fil-fehma tal-istess Mexxej tal-Labour, hija s-sistema tal-ferries bejn it-tlett ibliet u l-Belt Valletta – sistema li ċertament taħdem għall-inħawi tal-Port, iżda bl-ebda mod ma tagħti soljev liċ-ċentru ta’ Malta u t-toroq sinonimi mat-traffiku bħal Triq Aldo Moro, Triq tal-Balal, il-Marsa Ħamrun Bypass u t-Triq tal-Barrani fost l-oħrajn li spiċċaw ħolma kerha għal kull min ikollu jgħaddi minnhom kemm fis-sigħat ta’ filgħodu u anke ta’ tard waranofsinhar.
Iżda mistoqsi minn Net News kif se jkun qiegħed isolvi dawn il-problemi, liema kwistjonijiet qegħdin saħansitra fil-quċċata tat-tħassib tal-investitur barrani skont l-istħarriġ ippubblikat mill-EY, Robert Abela insista li li llum issib uffiċjali tal-LESA, ta’ Transport Malta u l-Pulizija jiggwidaw it-traffiku. Filwaqt li insista li anke barra minn xtutna… hemm it-traffiku.
Mistoqsi dwar in-nuqqas ta’ viżjoni fl-implimentazzjoni tal-policies tul dawn l-aħħar 11-il sena f’dak li għandu x’jaqsam żieda fil-popolazzjoni u nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura, Abela ċaħad dan. U qal li l-policies kienu jinkludu l-proġett tal-Imsida – ironikament proġett li mistenni jibda x-xahar id-dieħel, 11-il sena wara li Gvern tal-Labour iġġammja t-toroq tal-pajjiż.
In-nuqqas ta’ viżjoni mhux biss waslet għal konġestjoni kbira ta’ traffiku iżda infrastruttura inadegwata li affettwat ukoll is-sistema ta’ drenaġġ; kriżi li qed taffettwa diversi familji Maltin u Għawdxin – kriżi li Abela mhux daqstant inkwetat fuqha hekk kif qalilna li l-investiment qed isir.
Dan ftit tal-jiem biss wara li l-kosta tal-Lvant ta’ Malta kienet impestata bi żjut, drenaġġ u rwejjaħ – mil-lokalità tax-Xgħajra, sal-Port il-Kbir u San Ġiljan – b’diversi lokalitajiet jaffrontaw il-problema ta’ drenaġġ li jfur fit-toroq bi skumdità u theddida fuq saħħet iċ-ċittadini.
//= $special ?>