Ingliż ta’ 61 sena residenti n-Nadur ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u ordnat iħallas multa wara li nstab ħati li għajjar u weġġa’ ħafif żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta. Apparti l-akkużi ta’ tgħajjir u feriment tal-uffiċjali, John Richard Fullalove kien akkużat li f’Novembru 2022 għamel ħsara ta’ aktar minn €2,500 fuq il-karozza tal-uffiċjali, li kiser il-paċi pubblika, hedded lill-uffiċjali u pprova juża forza fuqhom.
Hu kien akkużat ukoll li rreżista l-arrest. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha, għajr dik li kkawża ħsara fuq il-karozza. Il-Qorti ta’ Għawdex semgħet kif l-uffiċjali marru fi Triq it-Tiġrija biex jitolbu lil Fullalove jħallas il-multi tal-karozza tiegħu jew inkella jneħħiha mit-triq peress li ma kinitx koperta b’polza tal-assigurazzjoni.
Meta l-uffiċjali marru biex ikellmuh, Fullalove ilmenta li ma kellux biex iħallas u talabhom għal sentejn ċans biex jirranġa kollox. Iżda meta l-uffiċjali qalu li dan ma kienx possibbli u li l-karozza setgħet tiġi rmonkata, hu rvilla u ħareġ sprej u lighter u qabbad parti mill-karozza tal-uffiċjali u laqat lill-uffiċjali f’wiċċhom.
Fullalove ġie arrestat u l-uffiċjali ttieħdu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif. Il-ħsara lill-karozza ġiet ċertifikata li kienet ta’ €5,742. Irriżulta li l-karozza kienet qed tinkera mill-kumpanija ta’ Christian Borg li bħalissa qed jaffaċċja proċeduri separati ta’ ħasil ta’ flus u li flimkien ma’ rġiel oħra ħatfu raġel u hedduh li se joqtluh.
Il-Qorti ta’ Għawdex qalet li huwa ċar li Fullalove pprova jintimida lill-uffiċjali ta’ TM biex ma jagħmlux xogħolhom u li ċ-ċertifikati mediċi jikkonfermaw il-feriti li ġarrbu l-uffiċjali. Hi saħqet li inċidenti bħal dawn huma inaċċettabbli u li l-uffiċjali ġarrbu trawma u biża’ minħabba l-attakk fuqhom u li kienet biss “kwistjoni ta’ fortuna” li l-uffiċjali ma weġġgħux aktar.
Filwaqt li ma nstabx ħati li rreżista l-arrest u kkunsidrat li Fullalove skuża ruħu għal dak li għamel, il-Qorti ta’ Għawdex ikkundannat lil Fullalove għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultatu €2,500. Hu ġie ordnat iħallas €5,742 lil Princess Operations fi żmien sena u ma javviċinax lill-uffiċjali għal sena.
Il-Maġistrat Jean Paul Grech ippresieda l-każ.
L-Ispettur Josef Gauci mexxa l-Prosekuzzjoni.
//= $special ?>