Koppja mill-Marsa ġiet ikkundannata sentenza ta’ ħabs sospiża kif ukoll €80,000 multa bejniethom mill-Maġistrat Leonard Caruana wara li nstabu ħatja ta’ ħasil ta’ flus li kien ġej minn tisrif ta’ ċekkijiet minn ‘confectionery’ li kienet topera fl-istess lokalità.
Josephine Harmsworth ta’ 45 sena u Alan Harmsworth ta’ 48 sena, kienu akkużati li fit-23 ta’ Jannar 2021, u fis-snin ta’ qabel, wettqu kummerċ mingħajr ma kienu liċenzjati kif ukoll ta’ ħasil ta’ flus bir-raġel kien akkużat ukoll li naqas milli jżomm armi tan-nar magħluqin b’mod sikur.
Il-Pulizija bdiet tinvestiga lill-koppja wara li l-awtoritajiet finanzjarji nnutaw ammont kbir ta’ ċekkijiet fil-kontijiet tagħhom li kienu indirizzati lil terzi persuni, ħafna minnhom ta’ nazzjonalità Afrikana, u għal raġunijiet ta’ paga.
Mill-investigazzjoni rriżulta li l-mara kienet taħdem f’confectionery u f’banka tal-lottu fil-Marsa waqt li r-raġel kien jirċievi l-benefiċċji soċjali minħabba binhom. L-istħarriġ tal-awtoritajiet wassal biex instab li bejn l-2015 u l-2019 ir-raġel iddikjara dħul ta’ madwar €28,000 fis-sena waqt li l-mara ddikjarat dħul ta’ madwar €22,650.
Mill-investigazzjonijiet irriżulta li huma akkwistaw numru ta’ proprjetajiet, fosthom għalqa f’Ħal Qormi għal €100,000 li 60% kien b’self bankarju. Irriżulta wkoll li r-raġel kellu €20,000 investiment fi stocks tal-Gvern, opra tal-baħar żgħira u numru ta’ karozzi, waqt li l-mara kellha €63,000 f’investiment varju.
Il-Pulizija għamlet tfittxija fil-confectionery, fil-banka tal-lottu u fi proprjetajiet tal-koppja fejn fil-kamra tas-sodda nstabu numru ta’ snieter magħluqa f’kompartament taħt is-saqqu u munizzjon. Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, irriżulta li l-mara kienet issarraf ċekkijiet ta’ terzi, tagħtihom ammont imnaqqas u tiddepożita ċ-ċekkijiet fil-valur kollu.
Fil-maġġornaza tal-każi l-klijienti li xehdu qalu li kienu jużaw is-servizz ta’ tisrif ta’ ċekkijiet minħabba li ma kienx ikun possibbli għalihom li jmorru jsarrfu l-istess ċekk il-bank fosthom għax kien hemm min kien ikun xogħol fil-ħin tal-ftuħ tal-bank u anke kien hemm min kellu proċeduri legali kontrih.
Mill-provi rriżulta wkoll li bejn l-2010 u l-2020 l-mara ddepożitat kważi 8,000 ċekk fil-banek, bil-Maġistrat Caruana jgħid li hija wettqet attivita finanzjarja mingħajr permess fejn anke semma kif kien hemm diskrepanzi fiskali serji bejn id-dħul dikjarat f’taxxa u dwana, u dak li daħlet.
Fl-istess waqt sab lill-koppja ħatja ta’ ħasil ta’ flus fejn qal li huma xtraw ħames karozzi fosthom żewġ BMWs u żewġ Mercedes Benz minbarra li akkwistaw u għamlu diversi pagamenti fuq investimenti varji.
Hawnhekk, il-Maġistrat Caruana qal li għalkemm ma jirriżultax li r-raġel kellu sehem attiv fit-tisrif taċ-ċekkijiet, huwa jsibha diffiċli jemmnu meta qal li ma kienx jaf b’dak li qed tagħmel il-mara meta kien hemm kju ta’ nies jistennew biex isarrfu ċ-ċekkijiet fil-confectionery fejn kien ikun ukoll.
Il-Maġistrat Caruana sab ukoll lir-raġel ħati li ma qafilx l-armi b’mod sikur fejn semma’ li ma kien hemm xejn xi jżomm lit-tifel milli jiftaħ il-kompartament li kien fih l-armi meta l-akkużat ma jkunx fuq is-sodda.
Il-Qorti kkundannat lill-mara 24 xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €42,000 waqt li lir-raġel ikkundannatu 18-il xahar sospiżi għal 42 xahar u multa ta’ €38,000. Il-Maġistrat ordna wkoll lid-Direttur tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi biex fi 30 jum jistħarreġ xi proprjetà għandha l-koppja għal skopijiet ta’ konfiska tal-assi.
//= $special ?>