Internazzjonali

Stati Uniti: L-uffiċjali tal-kampanja ta’ Donald Trump urtati dwar ‘l-indħil tal-Laburisti Britanniċi’

Il-Gvern tal-Prim Ministru Britanniku Keir Starmer jinsab f’diżgwid mal-uffiċjali li qed imexxu l-kampanja tal-Eks President Amerikan Donald Trump li qed jittama li mill-ġdid jieħu t-tmexxija ta’ pajjiżu wara l-elezzjoni presidenzjali tal-5 ta’ Novembru fl-Istati Uniti.

Intant, l-uffiċjali ma’ Trump qed jakkużaw lill-Partit Laburista Britanniku fil-Gvern dwar indħil fil-proċess elettorali tal-Istati Uniti. Dan  fost rapporti li l-Partit Laburista qed jibgħat il-voluntiera biex jgħinu fil-kampanja elettorali tal-Viċi President Amerikan Kamala Harris – il-kandidat tal-Partit Demokratiku għall-White House.

L-uffiċjali li qed imexxu l-kampanja ta’ Trump, il-kandidat Repubblikan, fl-aħħar sigħat ressqu l-ilmenti lill-Kummissjoni Elettorali Federali ta’ pajjiżhom. Huma qalu li din ‘l-assistenza illegali minn barra’ għal Harris għandha titqies bħala ‘impenn fjakk ieħor f’litanija ta’ ndħil barrani li qed imur kontra l-interessi tal-Istati Uniti’.

Oħrajn qalu li l-voluntiera mir-Renju Unit huma anki kompliċi f’kumplott intiż biex itellef l-elezzjoni lil Donald Trump.

It-tilwima – li kapaċi tkompli fit-tul jekk kemm-il darba Donald Trump jirbaħ il-Presidenza – bdiet meta l-Kap tal-Operat tal-Partit Laburista Britanniku bagħat ‘post’ fuq Linkedin fejn talab biex in-nies jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti. II-messaġġ ittenna, anki, lil madwar 100 persuna li kienu diġà offrew li jmorru lejn dak il-pajjiż.

Sadanittant, il-Gvern fir-Renju Unit qed jipprova jimminimizza l-każ filwaqt li jirribatti l-akkużi mill-kamp ta’ Trump.  Messaġġ ieħor minn Londra hu li r-Renju Unit lest biex ikompli jaħdem mill-qrib mal-Istati Uniti, irrispettivament minn min jirbaħ l-elezzjoni presidenzjali tax-xahar id-dieħel.

Il-Prim Ministru Starmer, waqt l-aħħar intervisti lill-istampa, qal li l-Partit Laburista ilu jibgħat il-voluntiera għall-elezzjonijiet fl-Istati Uniti – u diversi drabi bħala osservaturi.

Min-naħa tagħha, il-Viċi-Prim Ministru tar-Renju Unit Angela Rayner, waqt is-sessjoni ta’ Prime Minister’s Questions fil-Parlament, insistiet li ‘n-nies f’pajjiżha mhux għall-ewwel darba ssieħbu bħala voluntiera f’diversi kampanji elettorali ‘l hinn mir-Renju Unit’ – prattika li hi fissret bħala familjari għall-partiti politiċi kollha.