Lokali

STĦARRIĠ EY: 70% jgħidu li l-infrastruttura mhux tajba biex tlaħħaq maż-żieda fil-popolazzjoni

It-trasport u r-reputazzjoni u l-għoli tal-ħajja huma ta’ toqol u inkwiet

Pajjiżna jinsab f’salib it-toroq, jekk ma titfassalx strateġija li tħares il-kwalità tal-ħajja se nilħqu punt li ma nistgħux noħorġu minnu.

Sostna dan il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Chris Vassallo Cesareo l-Erbgħa filgħodu meta kien ippreżentat l-istħarriġ annwali tal-EY fejn insista li l-Gvern qed jirriskja li jara kollass tas-servizzi finanzjarji u infrastrutturali.

Huwa sostna li d-deċiżjonijiet li mistennija jittieħdu jridu jifformaw il-ġejjieni tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Fl-istħarriġ ħareġ biċ-ċar in-nuqqas kbir ta’ ppjanar u investiment fl-infrastruttura li ma laħqux maż-żieda qawwija fil-popolazzjoni, b’70% jaħsbu li l-infrastruttura hija inadegwata.

Dan filwaqt li l-parteċipanti saħqu li l-inqas affarijiet li jattiraw investiment lejn pajjiżna huma s-sistema tat-trasport u loġistika fl-infrastruttura b’57%, huma biss 16% li huma sodisfatti bit-trasport f’Malta… l-inqas livelli f’tal-inqas 10 snin.

Isegwi n-nuqqas ta’ ħaddiema lokali bl-edukazzjoni meħtieġa b’40%, kif ukoll ir-reputazzjoni u trasparenza politika bi 34% jemmnu li din qed ixxekkel l-investiment.

Tajjeb wieħed isemmi li t-telekomunikazzjoni f’pajjiżna u l-corporate taxation huma mfaħħra ħafna.

Il-Gvern qiegħed jara diversi riskji fl-investiment kawża ta’, fost oħrajn, nuqqas ta’ skills, ir-riforma tat-taxxa tal-Unjoni Ewropea u r-reputazzjoni tal-istess Gvern.

Minkejja n-narrattiva tal-Prim Ministru Robert Abela li l-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa kienet ta’ piż fuq l-ekonomija u l-investiment f’pajjiżn, hija biss 1% l-effett li l-invazjoni Russja fl-Ukrajna tista’ taffettwa l-investiment fil-Gżejjer Maltin.

L-istħarriġ wera li l-aktar problema li qed isibu l-ħaddiema barranin biex jiġu jaħdmu f’pajjiżna huwa l-għoli tal-ħajja kif ukoll il-prezzijiet tal-proprjetà li dejjem qed jiżdiedu, inkluż il-kera.

Bosta insistew li l-prijorità f’pajjiżna ċertament u bla ebda dubju għandha tkun investiment serju fi trasport u infrastruttura.

Intant, intqal li mit-teknoloġiji l-ġodda li l-inqas waħda li qed tiġi kkunsidrata hija l-blockchain. Ironikament, il-Ministru Silvio Schembri snin ilu kien qalilna li Malta kellha tkun blockchain island, l-istess Ministru li llum huwa inkarigat mill-viżjoni 2050.

Matul il-konferenza f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, intqal li pajjiżna jeħtieġlu direzzjoni u strateġija fit-tul… mill-aktar fis possibbli.

“Gvern ġdid Nazzjonalista joffri stabbiltà u serħan il-moħħ – direzzjoni ċara li tixraq lill-pajjiż”

Intant, indirizza l-konferenza x-Shadow Minister Ivan J. Bartolo fejn insista li r-riżultati ta’ dan l-istħarriġ qed juru li l-investiment jinsab taħt theddida u li pajjiżna jinsab f’salib it-toroq – bir-riżultati jikkonfermaw dak li bosta ilhom xhur jissuspettaw – dak li l-Gvern qed idgħajjef il-kompetittività tal-pajjiż.

Bartolo insista li Gvern ġdid Nazzjonalista lest li jmexxi l-pajjiż f’direzzjoni li toffri soluzzjonijiet ċari u effettivi għal Malta mhux biss fil-preżent, iżda għal ġenerazzjonijiet futuri.

Huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista mhux se jieqaf jissielet favur il-ġustizzja, jiġġieled il-korruzzjoni mingħajr ma jħares lejn uċuħ biex b’mod sostenibbli jsaħħaħ l-investiment fil-pajjiż.

Ivan J. Bartolo temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista lest li jkattar il-kummerċ, l-investiment u jsaħħaħ l-ekonomija u l-qagħda finanzjarja tal-poplu.

Dan filwaqt li bla ebda dubju stqarr dwar il-ħtieġa kbira ta’ investiment fl-infrastruttura biex pajjiżna jkollu Gvern li verament iħares lejn il-kwalità tal-ħajja, l-edukazzjoni u l-ambjent li jgħaqqadna.

Huwa insista li l-Partit Nazzjonalista lest u preparat biex ikun l-aġent tal-bidla.