Lokali

Tħassib kbir dwar każi ta’ Cyber Attacks

Esperti lokali u barranin li tlaqqgħu f’Malta qegħdin ibassru aktar attakki ċibernetiċi, fi sfond ta’ kriminali li joperaw f’dan il-qasam, li qegħdin iżidu t-theddid fuq l-operat ta’ entitajiet governattivi u negozji privati.

Il-konferenza organizzata mill-kumpanija Fortinet, li toffri soluzzjonijiet teknoloġiċi kontra din l-attività kriminali, laqqgħet għexieren ta’ rappreżentanti minn entitajiet pubbliċi u privati, fejn iddiskutew kif teknoloġija ġdida tista’ tkun mezz ta’ sigurtà fl-operat tagħhom kontra attakki fuq l-internet.

Din iż-żieda fl-attakki ċibernetiċi qanqlet aktar kuxjenza biex tittieħed azzjoni li tilqa’ minn qabel lil kwalunkwe theddid fis-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni.

Interessati wkoll kif kumpaniji lokali diġà qed jisfruttaw l-intelliġenza artifiċjali biex jidentifikaw minn qabel attakki ċibernetiċi.

Hekk kif kriminali qed jisfruttaw l-intelliġenza artifiċjali biex jiżviluppaw attakki aktar sofistikati, dan qed joħloq sfidi ħalli sistemi ġodda ta’ sigurtà joffru qafas aktar b’saħħtu kontra dawn l-attakki kif kien diskuss fil-konferenza organizzata minn Fortinet.