Chellcy Reitsma hija kantawtriċi Amerikana li ilha bbażata f’Malta mill-2012. Tul dawn is-snin hija nediet diversi kanzunetti iżda fil-jiem li ġejjin se tniedi album ġdid b’21 kanzunetta li hija ħadmet matul dawn l-aħħar tliet snin.
Oriġinarjament minn Kalifornja. Hija trabbiet f’familja mużikali esposta għall-mużika folk Amerikan, rock u gospel.
Hi gradwata fl-arti viżiva mill-Istitut tal-Arti ta’ Chicago. Wara, waqqfet il-kumpanija taż-żfin tagħha speċjalizzata fuq element etniku, imsejħa Fringe Benefits, f’Chicago. Il-karriera tagħha fiż-żfin ħaditha madwar id-dinja. Għall-perjodi qosra hija għexet ukoll f’Firenze, l-Italja, fi Stokkolma, u fl-Iżvezja fejn studjat l-arti u żfin. Fl-2008 fetħet il-kumpanija taż-żfin tagħha f’Malta, u għal ħafna snin kompliet tkun direttur artistiku, kif ukoll tgawdi t-tours maż-żewġ kumpaniji taż-żfin tagħha.
It-taħriġ mużikali tagħha kien fil-ġeneru tal-folk u rock Amerikan, li akkwistat mingħand membri tal-familja, minbarra xi ġeneri ta’ mużika tal-Afrika ta’ Fuq, tal-Lvant Nofsani u Latin permezz ta’ esperjenzi mużikali li kellha ma’ bands u artisti mużikali waqt il-karriera taż-żfin. Minn din l-esperjenza tgħallmet idoqq strumenti żgħar tal-perkussjoni.
Hija bdiet il-vjaġġ mużikali tagħha fl-2015 wara li kienet irtirat miż-żfin. Hija tistqarr li minn dejjem xtaqet tipprova tikteb xi kanzunetti iżda qatt ma kellha l-ħin, għalhekk malajr ħatfet din l-opportunità biex tibda kapitlu ġdid u ssegwi l-ħolm tagħha tal-mużika.
Il-kitba tal-kanzunetti ġiet naturali għal Chellcy li matul iż-żmien qed tkompli tikber fix-xena tal-mużika indie bl-istil ta’ fużjoni uniku tagħha stess u dak retro li jgħaqqad l-istil blues, pop, country u rock alternattiv. Ħafna ddiskrivew il-mużika tagħha bħala ‘poeżija għall-mużika’.
”Blue” kienet l-ewwel single tagħha fl-2016 miktuba flimkien ma’ ommha Cynthia Reitsma u prodotta minn Beehive Studios. It-tieni single ta’ Chellcy inħarġet sena wara bit-titlu ”The Three Of Us”, spirata mid-divas tal-band tat-tfajliet tas-snin 60, iżda b’lirika friska u produzzjoni kurrenti.
“Black Water” kien l-EP b’erba’ tracks tagħha prodott minn Railway Studios fl-2018. L-EP huwa aktar poetiku, u jispira minn uħud mill-artisti favoriti tagħha bħal Nick Cave, Tom Waits, u Jim Morrison. L-2018 kienet sena impenjattiva għaliha, fejn ħarġet żewġ videos mużikali għal “Black Water” u “Vixen”.
Matul dawn l-aħħar snin, Chellcy Reitsma kompliet taħdem fuq aktar kanzunetti, fosthom “Bad Love”, “Water from the Sky” li kienet it-tieni kollaborazzjoni tal-kitba tal-kanzunetta mal-artist Nattiv Amerikan Charles Moyen ibbażat fi Frankfurt; “The Garden”, u “She-man”.
Nhar is-Sibt 2 ta’ Novembru fis-Sala San Duminku fi Triq il-Merkanti, fil-Belt, se jittella’ l-kunċert minn Chellcy Reitsma, il-kunċert tal-album Carpe Diem. Dan jinkludi 21 kanzunetta ġdida li Reitsma kitbet matul dawn l-aħħar snin. F’dan il-kunċert Chellcy Reitsma se jkollha jakkumpanjawha l-band tagħha ffurmat minn diversi mużiċisti lokali u barranin – Alan Degabriele (bass), Kristijan Volchev (kitarra), Alessio Pagano aka Duska (keybaords), Sebastian Skalitzky Sorrosa (kitarra), Ferderica Mosa (vjolin), Adam Cutajar (drums), u Claire Mc Cartin, Mattea Formosa, u Tomas Janecek (backing vocalists).
Tiftaħ il-lejla Lyndsay b’kanzunetti oriġinali b’ħoss akkustiku akkumpanjata minn Edward Mifsud.
Il-biljetti għall-kunċert jinkisbu minn fuq is-sit Shows Happening jew mill-bieb.
Il-kunċert jibda fit-8pm.
//= $special ?>