Lokali

Titressaq mozzjoni mill-PN biex il-bidliet għall-Pjani Lokali jiġu diskussi fil-Parlament

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jafferma l-impenn tiegħu lejn il-prinċipji ta’ trasparenza, kontabbiltà, u ħarsien ambjentali. Permezz ta’ Mozzjoni mressqa llum fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti għal skrutinju akbar fir-rigward tad-deċiżjoni riċenti dwar il-Pjan Lokali għall-Portijiet tat-Tramuntana ta’ Malta, b’mod speċifiku fir-rigward taz-zona tax-Xatt ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, flimkien mal-Partit Nazzjonalista, jisħqu li kull tibdil għandu jkun diskuss b’mod miftuħ u trasparenti.

Kif imfisser fi stqarrija maħruġa mid-deputati Rebekah Borg u Stanley Zammit, din il-Mozzjoni ġiet imressqa biex tiżgura li kull tibdil fil-Pjani Lokali jqiegħed l-interess pubbliku, is-sostenibbiltà ambjentali, u l-benesseri tar-residenti fuq quddiem nett. 

Il-Mozzjoni tħeġġeġ li l-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp jingħata s-setgħa li jiltaqa’ u janalizza bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-Gvern. Barra minn hekk, titlob li l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri jagħti spjegazzjoni sħiħa, u jippreżenta d-dokumenti kollha meħtieġa relatati mad-deċiżjoni.

Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti pubblikament li din il-Mozzjoni tiġi diskussa fil-Parlament u li jittieħed vot dwarha llum stess. Jistenna wkoll li l-Gvern jaqbel ma’  dan u ma jkomplix joħloq aktar ostakli.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li kull tibdil għandu jsir b’mod trasparenti u responsabbli, filwaqt li dejjem jitqies l-impatt fit-tul fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jiżgura li kull reviżjoni tal-Pjani Lokali tkun dejjem fl-interess tan-nies u tal-ambjent l-ewwel.