Il-PN diġà ddikjara l-oppożizzjoni tiegħu għal tibdil parzjali fil-Pjan Lokali li ma jkunux favur ir-residenti u favur l-ambjent. Bil-Kap tal-PN Bernard Grech jistqarr li se jibqa’ jaħdem biex jitħares l-ambjent u biex kull żvilupp isir skont il-liġijiet ta’ pajjiżna.
Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, Bernard Grech tenna li pajjiżna għandu jgawdi minn investiment privat li jkun responsabbli, etiku u sostenibbli.
L-istqarrija tal-Kap tal-PN
Jien favur li bħala pajjiż niżguraw li kwalunkwe żvilupp isir skont l-liġijiet ta’ pajjiżna b’ħarsien sħiħ tal-ambjent u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Jiena dejjem ninsisti li pajjiżna għandu jgawdi minn investiment privat li jkun responsabbli, etiku u sostenibbli. Il-futur ta’ pajjiżna jiddependi fuq dan it-tip ta’ żvilupp.
Għalhekk ikun qed jigdeb min jgħid li jiena tajt il-barka tiegħi għal xi bidla parzjali fi Pjan Lokali. Jiena ċert li fl-ebda ħin jew ċirkostanza ma indikajt jew għidt li jien favur tibdil parzjali tal-Pjan Lokali li permezz tiegħu jseħħ xi proġett li ma jkunx ta’ ġid għall-ambjent u ma jirrispettax il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Fil-fatt il-PN diġà ddikjara l-oppożizzjoni tiegħu għal tibdil parzjali fil-Pjan Lokali li ma jkunux favur ir-residenti u favur l-ambjent.
//= $special ?>