Lokali

Clyde Caruana jgħid li l-Gvern “se jkun qed jagħmel ħafna”

Fi kliem il-Ministru Clyde Caruana, il-Gvern se jkun qed “jagħmel ħafna” fil-Budget. Għalkemm sħabu tal-Kabinett qalulna biex nistennew sat-Tnejn ħalli nkunu nafu d-dettalji.

Dan ħareġ ċar mill-kummenti li tawna diversi Ministri u Segretarji Parlamentari li ħafna minnhom qalulna biex nistennew u naraw. Dan filwaqt li l-Ministru tal-Finanzi kompla jgħolli l-aspettattivi tan-nies.

Spikka fuq kollox il-kumment tal-Ministru Chris Bonnet, li qalilna biex ma nkunux partiġjani f’dak li għandu x’jaqsam mal-problemi li qed naffaċċjaw ta’ kuljum fit-toroq Maltin, u l-konġestjonijiet kbar f’kull ħin tal-ġurnata.

Ftit tal-ġimgħat ilu, l-MEP Laburista Daniel Attard tefa’ dubji dwar kemm – skont hu – it-traffiku f’pajjiżna żdied. U insista li l-ewwel irid jara l-istudji.

Bl-istudji jew le, ir-realtà tibqa’ li t-traffiku kompla jpoġġi pressjoni fuq kulħadd; kull ħin tal-ġurnata. Bit-tama tkun li l-Budget jindirizza din il-kriżi kbira li ġiet riflessa anke fl-aħħar studju li ġie ppreżentat din il-ġimgħa mid-ditta EY.