Sport

Għaxaq Wolves jibqgħu b’punti massimi

Għaxaq Wolves

Għaxaq Wolves baqgħu b’punti massimi minn tliet logħbiet u jinsabu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA wara li għelbu lil San Ġiljan Saints 2-1.

Kienet logħba ferm akkanita b’San Ġiljan li bdew tajjeb tant li marru minn fuq iżda b’Għaxaq li għarfu jdawru l-iskor favurihom u eventwalment jieħdu t-tliet punti finali. Kien Sam Whelan li wara biss erba’ minuti logħob, poġġa lil San Ġiljan Saints minn fuq għalkemm l-Għaxqin wettqu reazzjoni immedjata u tliet minuti wara ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Diego Fernando Galvis Ovallos. Il-Wolves skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa permezz ta’ Diego Fernando Pereira.

Ir-referee kien Peter Abela.

It-tieni rebħa konsekuttiva

Balluta Barracudas kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva wara li għelbu lil Ta’ Ġiorni Wanderers 4-0. Wara li fl-ewwel taqsima ma ġie skorjat l-ebda gowl, il-Cudas ħarġu ferm aggressivi u skorjaw erba’ gowls mingħajr risposta.

Timmy Zammit Lupi poġġa lil Balluta minn fuq fl-40 minuta sabiex Paco Vassallo skorja t-tieni gowl sitt minuti wara. Fit-53 minuta, Andrew Tortell għamilhom tlieta sabiex fil-ħin mogħti żejjed mir-referee, Ruslan Borg għaqqad il-poker għar-rebbieħa.

Ir-referee kien Alex Grech.

It-tieni diviżjoni

Fit-tieni diviżjoni, Ħamrun Amateurs kisbu l-ewwel rebħa tagħhom staġjonali wara li għelbu lil Ħal Far Titans 1-0. Il-gowl li ddeċieda l-logħba ġie skorjat seba’ minuti minn tmiem il-konfront permezz ta’ Andriy Camilleri.

Għal Ħal Far Titans din hi t-tielet telfa minn daqstant logħbiet u għadhom qed ifittxu l-ewwel punti tal-istaġun.

Ir-referee kien Jonathan Balzan.

Attard Edex Kings kisbu l-ewwel rebħa tagħhom wara żewġ telfiet konsekuttivi hekk kif għelbu lil Gudja Wanderers 2-1. Il-Gudjani kellhom bidu mill-aqwa u marru minn fuq wara erba’ minuti logħob permezz ta’ Timothy Portelli. Żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, Attard ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Luca Camilleri sabiex fit-53 minuta, Miguel Acevedo skorja l-gowl li ta t-tliet punti lit-tim tiegħu.

Ir-referee kien Karl Stefan Galea.

It-tielet diviżjoni

Fit-tielet diviżjoni, Mosta Vikings kisbu l-ewwel rebħa tagħhom staġjonali wara li għelbu lil St Paul’s Bay NMFC 3-1. L-ewwel taqsima kienet waħda pjaċevoli fejn il-Vikings ħadu l-kontroll tal-logħba u skorjaw tliet gowls permezz ta’ Karl Kurt Muscat, Darren Bartoli u Nigel Schembri Zammit. Fit-tieni taqsima, St Paul’s Bay NMFC bdew jagħfsu għall-gowl u rnexxielhom inaqqsu l-iskor fil-65 minuta permezz ta’ Sonam Gurung.

Ir-referee kien Lorry Sammut.