Lokali Parlament

Il-Bord tas-Sajd m’għandux jintgħażel mill-ministru; ir-rappreżentanti tas-sajjieda se jitħallew barra


Ix-Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina qal fil-Parlament li l-Bord tas-Sajd m’għandux jintgħażel mill-ministru u sostna li r-rappreżentanti tas-sajjieda se jitħallew barra mill-kompożizzjoni ta’ dan il-Bord.

Toni Bezzina qal li l-proposta tal-gvern dwar il-kompożizzjoni ta’ dan il-bord jitfgħu dubju fuq il-ġenwinitá tal-emendi minkejja li l-gvern qed jgħid li dawn jipprovdu rappreżentanza iktar xierqa fuq il-Bord tas-Sajd. Il-fatti huma li dan l-abbozz se jġib lill-Bord tas-Sajd strument f’idejn il-ministru biex jeqred dan is-settur. Din l-opinjoni tas-sajjieda u r-rappreżentanti tagħhom, sostna Toni Bezzina, li elenka wkoll il-funzjonijiet tal-Bord tas-Sajd.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-ħadma tal-gvern hi li filwaqt li fl-att orġinali li daħal fl-2004, il-membri fuq dan il-Bord kienu nominati minn diversi għaqdiet u rappreżentanti tas-sajjieda, issa l-ministeru se jagħżilhom waħdu. Dan minbarra li lill-Kooperattiva li tirrappreżenta lis-sajjieda, il-gvern se jneħħilha r-rappreżentanza kollha. Dan minbarra li ċertu oqsma tas-sajd se jitneħħew mill-Bord tas-Sajd.

Toni Bezzina qal li l-industrija tas-sajd hi l-għaxjien tas-sajjieda u l-familji tagħhom u kkritika lill-gvern għall-mod kif ma kkonsultax mal-Kooperattiva tas-Sajjieda u mas-sajjieda dilettanti qabel ma fassal dan l-abbozz. Bl-att attwali, is-sajjieda u dawk li jaħdmu direttament f’din l-industrija għandhom id-dritt jinnominaw tmienja minn 15-il membru fil-bord, sostna Toni Bezzina, li qal li bl-abbozz ippreparat mill-Gvern, minflok ir-rappreżentanti se jkunu nominati minn dawk li jirrappreżentawhom, dawn se jintgħażlu mill-gvern.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li dan hu aġir arroganti tal-gvern li se jwassal biex iktar sajjieda jkunu fix-xifer li jfallu. Il-PN jemmen li l-ebda ministru ma jista’ jiddetta lil min qatta’ ħajtu fuq il-baħar għall-għajxien tiegħu. Il-gvern wettaq ukoll diversi miżuri negattivi oħra fosthom li mill-Bord tneħħew rappreżentant tal-bejjiegħa tal-ħut u tnaqqas rappreżentant mid-Dipartiment tas-Sajd.

Il-gvern qata’ wkoll qalbu mill-pixkerija li issa wkoll se jitneħħielhom ir-rappreżentant tagħhom minn fuq il-Bord Tas-Sajd.

Toni Bezzina qal li l-PN jaqbel li jkun hemm rappreżentant tas-sajjieda li joperaw bastiment tas-sajd li ma jużawx irkaptu rmunkat, tas-sajjieda li joperaw bastiment tas-sajd li huma suġġett għall-kwota tas-sajt ta’ ħut speċifiku, tas-sajjieda li joperaw bastimenti tas-sajd li jużaw irkaptu rmunkat u tas-sajjieda li joperaw bastimenti tas-sajd għas-sajd tal-lampuki. Il-PN jaqbel ukoll mal-fatt li wieħed mir-rappreżentanti għandu jkun ta’ età inqas minn 40 sena u li tal-inqas wieħed mill-membri tkun femminili.

Iżda l-PN ma jaqbilx li l-Bord ikun magħżul mill-ministru u għalhekk l-Oppożizzjoni se tivvota kontra dan l-abbzz, sostna Toni Bezzina.