Lokali

Il-Membri tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jerġgħu jinsistu għal laqgħa urġenti tal-Kumitat

It-tkaxkir tas-saqajn tad-Deputati tal-Gvern mhuwiex aċċettabbli

Il-Membri tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Mark Anthony Sammut u Ryan Callus, jerġgħu jinsistu li l-Kumitat għall-Istandards jiltaqa’ b’mod urġenti u jikkundannaw it-tkaxkir tas-saqajn tar-rappreżentanti tal-Gvern fil-Kumitat, il-Ministru Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, li qed iżommu milli l-Kumitat jiltaqa’ u jippubblika r-rapport mill-aktar serju li kkonkluda l-Kummissarju għall-Istandards dwar il-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri.

Dan ir-rapport jittratta l-impjieg tas-Sinjura Amanda Muscat, illum mart il-Ministru Clayton Bartolo, l-ewwel bħala Segretarja Privata tal-Ministru Bartolo, imbagħad bħala konsulenta tal-istess Ministru, u iżjed tard bħala konsulenta tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Wara li l-Ispeaker issuġġerixxa li l-Kumitat jiltaqa’ llum stess, Jonathan Attard u Andy Ellul infurmaw lill-Kumitat li kellhom impenji oħra. Meta l-Ispeaker ippropona li l-Kumitat jiltaqa’ nhar it-Tlieta, iż-żewġ membri tal-Gvern naqsu milli tal-inqas iwieġbu.

Il-poplu għandu dritt ikun jaf x’sab u xi kkonkluda l-Kummissarju, u dan it-tkaxkir tas-saqajn huwa għal kollox inaċċettabbli.