Ilbieraħ fi Strasburgu, il-Parlament Ewropew organizza dibattitu dwar is-saltna tad-dritt f’Malta minħabba in-nuqqas ta’ progress għall-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia.
Wara 7 snin mill-assassinju makabru li heżżeż l-istituzzjonijiet Maltin u wera n-nuqqasijiet kbar fihom, il-kap tad-delegazzjoni tal-PN David Casa għamel diskors b’saħħtu u enfasizza li l-kultura tal-impunità li nkixfet fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne għadha teżisti llum.
Hu semma kontroversji riċenti fosthom l-allegazzjonijiet ta’ frodi fil-kura tal-pazjenti bil-kanċer u l-bejgħ frawdalenti tal-identità Maltija. Casa kkundanna b’mod partikolari dak li sejjaħ attakki fuq il-ġudikatura, l-istampa, u s-soċjetà ċivili mill-amministrazzjoni preżenti. Hu appella għal azzjoni konkreta minflok aktar rapporti fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika.
F’diskors emozzjonali, l-MEP Peter Agius sellem lill-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia, fejn iddeskriviha bħala ‘ħabiba ta’ Malta’ li l-qtil tagħha għadu ferita miftuħa għall-pajjiż. Agius ikkritika n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Gvern għar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika, partikolarment dwar il-ħatra ta’ uffiċjali u l-proposti għal-liġijiet ta’ libell kriminali kontra il-ġurnalisti. Huwa għalaq b’sejħa lill-Kummissjoni biex jinżgħu l-ingwanti tal-bellus u biex tittieħed azzjoni konkreta.
Filwaqt li l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista ddedikaw id-diskors tagħhom fuq is-saltna tad-dritt f’Malta u s-salvagwardja tal-ġurnalisti Maltin, l-MEPs tal-Partit Laburista għamlu l-enfasi tagħhom fuq id-drittijiet tal-ġurnalisti minn pajjiżi oħra.
Tkellmu wkoll bosta deputati mill-gruppi politiċi differenti li wkoll ikkundannaw in-nuqqasijiet tas-saltna tad-dritt f’Malta u sostnew li l-Parlament Ewropew dejjem kien u ser jibqa’ fuq in-naħa taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, u kontra l-korrotti.
L-MEP Ġermaniż Daniel Freund tal-Greens irrimarka kif il-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne għadu ma ġiex ikkundannat u li l-Gvern Malti falla milli jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali tal-GRECO, il-Kummissjoni Ewropea u anke mill-inkjesta pubblika Maltija. Sostna li hemm bżonn bidla konkreta ġewwa Malta.
L-MEP Portugiża Ana Pedro qalet li l-ebda ġurnalist, jew ċittadin m’għandu jaffaċċja t-theddid li affaċċjat Daphne u għandu jkun hemm riformi konkreti biex dan ma jerġax iseħħ fl-ebda pajjiż Ewropew.
L-MEP tal-Liberali u l-Eks Prim Ministru Belġjana Wilmès qalet lill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja li r-rapport tas-saltna tad-dritt għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet konkreti b’deadlines ċari għal azzjoni, marbuta sistematikament ma’ fondi Ewropej.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju għall-Ġustizzja enfasizza li Malta għadha taħt skrutinju tal-UE permezz ta’ rapporti annwali dwar l-istat tad-dritt, u li għad fadal ħafna nuqqasijiet f’Malta li għandhom jiġu indirizzati.
//= $special ?>