Ir-rapport li ħareġ mill-Bord tal-Pulizija dwar il-qtil ta’ Nicolette Ghirxi huwa inkwetanti, u juri nuqqasijiet serji. Dan filwaqt li ħadd mhu jinżamm responsabbli.
Hekk stqarr il-Malta Women’s Lobby fi stqarrija iebsa li ħarġet illum, b’reazzjoni għar-rapport li ġie ppubblikat ilbieraħ dwar id-delitt li kien seħħ fis-Swatar; delitt li fih mara oħra tilfet ħajjitha, wara li nqatlet minn barrani li rnexxielu jirritorna pajjiżna meta kien fuq il-wanted list tal-Pulizija.
Il-Lobby tan-Nisa qed jgħid li l-fatt li l-awtoritajiet qed jimplikaw li ma naqsux lil Nicholette Ghirxi minkejja r-rapporti li għamlet mal-Pulizija, allura dan ifisser li kull mara m’għandhiex tħossha sigura. Dan għaliex il-proċeduri mhux jinbidlu, u kollox qed jibqa’ l-istess.
L-istess Lobby ipoġġi dubji serji dwar kemm l-awtoritajiet kienu konxji tar-rekord kriminali li kellu Edward Johnston.
Il-Malta Women’s Lobby qed jinsisti li aktar tkaxkir tas-saqajn se jwassal għal aktar vittmi. Dan filwaqt li appellaw għal riformi serji u protezzjoni favur nies vulnerabbli.
//= $special ?>