Lokali

L-attivitajiet f’għeluq il-150 sena mit-twaqqif tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette deskritti bħala ċelebrazzjonijiet ta’ eċċellenza

Kien fit-19 ta’ Ottubru tas-sena 1874 li Pawlu Darmanin, flimkien ma’ 33 żagħżugħ ieħor kienu marru quddiem in-Nutar Giovanni Pullicino sabiex permezz ta’ kuntratt pubbliku waqqfu l-ewwel banda fil-Belt Valletta. Dakinhar kienu ftehmu wkoll li Luigi Carabott jinħatar l-ewwel Surmast ta’ din il-banda.

Kien għalhekk bix-xieraq li fl-okażjoni tal-150 sena anniversarju mit-twaqqif tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette, il-Kumitat tad-Direzzjoni preżenti jħejji programm vast ta’ ċelebrazzjonijiet biex jitfakkar dan l-anniversarju importanti.

Kien fl-20 ta’ Ottubru tas-sena 2023 li ngħata bidu għal dan il-programm ta’ festi permezz ta’ Korteo f’ġieħ il-Gran Mastru La Valette meta dakinhar saret ukoll quddiesa solenni fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu, fil-Belt Valletta.

Minn hemm segwew diversi attivitajiet oħra fosthom il-kunċerti li saru mmexxija minn Mro Marco Frisina, minn Mro Jacob de Haan u minn Mro Mauro Ivano Bengalia rispettivament fost attivitajiet oħra.

Dawn l-attivitajiet li mmarkaw l-għeluq taċ-ċelebrazzjonijiet tal-150 sena anniversarju laħqu l-qofol tagħhom matul dan ix-xahar ta’ Ottubu meta l-Kumitat tad-Direzzjoni mmexxi mill-President attwali Jonathan Grima ppreżentaw programm voluminuż li ġie mniedi permezz ta’ wirja ta’ xogħlijiet ta’ arti sagra mill-familja Camilleri Cauchi bl-isem ‘La Nostra Arte’ fis-sede tas-Società.

Bħala parti minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kien hemm xejn inqas minn seba’ baned mużikali Maltin li ġew mistiedna jesegwixxi marċ jew programm bejn il-Ġimgħa 18 u l-Ħadd 20 ta’ Ottubru.

Dawn il-baned kienu:

Għaqda Mużikali Żejtun

Soċ. Mużikali Sant’ Elena, Birkirkara

Soċ. Mużikali San Lawrenz, Birgu

Soċ. Filarmonica Leone, Victoria Għawdex

Soċ. Mużikali San Ġużepp, Ħamrun

Soċ. Filarmonica Unjoni, Ħal Luqa

Soċ. Mużikali Tal-Karmnu Balluta.

Il-programm uffiċjali inkluda kunċert li sar mis-Soc. Filarmonica Nazionale La Valetta waqt il-Malta International Band & Majorette Festival li ttella’ fi Pjazza San Ġorġ.

Kunċert ieħor memorabbli kien il-kunċert ‘Omaggio a La Valette 150 ta’ storja’ fejn fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu ndaqqu siltiet miktuba mis-Surmastrijiet li mexxew il-Banda La Valette tul is-snin. Kunċert li sar taħt id-direzzjoni tas-Surmast attwali Dominic Darmanin bil-parteċipazzjoni wkoll tas-Sopran Rosabelle Bianchi.

Fil-programm tal-għeluq ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kienet inklużu wkoll żjara ta’ korteżija lill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fejn il-Kumitat tad-Direzzjoni ppreżenta wkoll donazzjoni lill-Malta Community Chest Fund.

Saret ukoll żjara fuq il-qabar tas-Società fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata fejn il-President Jonathan Grima u l-membri sellmu l-memorja ta’ dawk kollha li m’għadhomx magħna imma li kienu parti mill-150 sena ta’ suċċessi ta’ din is-Società.

Hekk kif tfakkru l-eks membri, il-Kumitat tad-Direzzjoni ħaseb ukoll li jitpoġġew kuruni quddiem id-dar ta’ Pawlu Darmanin, il-fundatur tas-Società, quddiem il-monument tal-Gran Mastru La Valette fi Pjazza Jean de La Valetta, u quddiem il-monument tal-Eks Prim Ministru u Eks President tas-Società, Ġorg Borg Olivier.

Il-qofol ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet li saru fi tmiem il-ġimgħa ntlaħaq permezz ta’ Pontifikal Solenni li sar il-Ħadd filgħodu fil-Paroċċa San Pawl Nawfragu li tmexxa mill-Kardinal Domenico Calcagno akkumpanjat mill- W.R. Kapitlu fl-Insinji Kolleġġjata Urbana Parroċċa Matrici u Veskovili ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta. Il-Pontifikal kellu wkoll is-sehem tal-“La Valette Ensemble”,  il-Kor “Saulus’, it-tenur Charles Vincenti u s-sopran Rosabelle Bianchi taħt id-direzzjoni tal-Assistent Surmast James Chappell.

Il-Ħadd filgħaxija sar riċeviment fis-Sede tas-Società li għalih attendiet ukoll il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono li kienet akkumpanjata minn żewġha Anthony Spiteri Debono. Preżenti wkoll fost mistiedna distini oħra kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u s-Sinjura tiegħu Anne Marie Grech.

Fid-diskors tal-okkażjoni, il-President Spiteri Debono fissret lis-soċjetajiet filarmoniċi bħala “spina essenzjali biex inkomplu nsaħħu t-tradizzjonijiet tagħna l-Maltin fl-ibliet u l-irħula tagħna,” Hi fakkret fid-dmir tad-diriġenti biex jippreparaw il-ġenerazzjoni żagħżugħa biex ‘il quddiem id-direzzjoni tkun waħda li tkompli ssostni l-ħidma tas-soċjetà u t-tradizzjoni tal-festa Maltija.