L-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali, li nfetaħ mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern aktar minn 12-il sena ilu, issa ilu magħluq għal aktar minn 14-il xahar.
F’Awwissu 2023, il-Gvern kien wiegħed li l-isptar se jerġa’ jinfetaħ biex joffri servizzi veterinarji, fosthom għall-kura fit-tul tal-annimali. Dakinhar, il-Gvern kien qal ukoll li daħal fi ftehim li permezz tiegħu, mhux biss kellu jerġa’ jinfetaħ l-isptar, iżda anke jibda jiġi offrut il-kors tal-veterinarji minn din l-istess binja permezz tal-MCAST.
Minkejja f’dan, l-isptar għadu magħluq u dan qed jippreġudika l-kors tal-veterinarji, li kellu jibda minn din is-sena akkademika.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali, li għadu bil-bibien magħluqin, ix-Shadow Minister għall-Ħarsien tal-Annimali u d-Drittijiet tal-Konsumatur Janice Abela Chetcuti u x-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri tkellmu dwar is-sitwazzjoni attwali b’rabta ma’ dan l-isptar u l-kors tal-veterinarji, li suppost se jibda jingħata mill-istess post.
Janice Abela Chetcuti spjegat kif dan il-proġett kien ħolma ta’ Gvern Nazzjonalista, li kien ħass il-ħtieġa li f’Malta jkollna Sptar tal-Annimali li jkun miftuħ 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.
Il-ħolma saret realtà 12-il sena ilu meta kien infetaħ iċ-Ċentru San Franġisk, li eventwalment inbidel fi sptar veterinarju tal-ogħla livell bl-għajnuna ta’ operatur ġdid li investa eluf ta’ ewro f’dan il-proġett.
Dan kien l-uniku sptar f’pajjiżna fejn wieħed seta’ jsib servizz u trattament mediku ta’ natura unika għall-annimali. Kien ukoll l-uniku sptar jew klinika li kellu zona speċifika ta’ iżolament fejn jidħol mard li jittieħed. Dan l-isptar kien joffri wkoll serħan il-moħħ lil kull familja li għandha annimal bħala membru fil-familja tagħha, għax kien jopera bis-servizzi tiegħu 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, inkluż fil-festi pubbliċi.
Dan issa jinsab totalment magħluq u b’hekk inħolqot pressjoni żejda u lakuna serja f’dan il-qasam.
Anke l-annimali li jinġabru mit-triq m’għandhomx klinika li tkun dejjem miftuħa għalihom biex jingħatawlhom kwalunkwe għajnuna jew trattament mediku u allura, qed naraw influssi kbar ta’ dawn l-istess annimali li qed jispiċċaw jittieħdu fi klinika żgħira li mhix adattata biex toffri servizzi intensivi partikolari u lanqas ma għandha l-ispazji meħtieġa għall-iżolament meta jkun hemm mard partikolari, bl-istess annimali qed jispiċċaw jinżammu fi spazji ridotti u mhux xierqa.
Dan kollu waqt li l-isptar li hu maħsub biex jipprovdi s-servizzi kollha neċessarji jinsab mitluq u abbandunat mill-Gvern u mill-Ministru Anton Refalo, li issa ilhom aktar minn sena jgħidulna li se jiftaħ dalwaqt. Kien biss b’sensiela ta’ Mistoqsijiet Parlamentari kontinwi li issa skoprejna wkoll li dan l-isptar mhux se jibqa’ aktar taħt ir-responsabbiltà tal-istess Ministru li suppost jaqgħu taħtu d-drittijiet tal-annimali, iżda se jgħaddi taħt idejn il-Ministru tal-Edukazzjoni.
Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi:
– X’se jiġri issa mill-animali li jinstabu mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali wara li jinġabru bl-ambulanza tal-annimali?
– Sar xi tip ta’ ftehim fuq dan il-proċess u dwar kif se jiġi ssorveljat minn żewġ Ministri differenti u minn Segretarju Parlamentari?
Min-naħa tiegħu, Justin Schembri qal li l-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jitlob li jsir dan il-kors għax jirrikonoxxi l-importanza li f’Malta jkollna l-kors tal-veterinarji, filwaqt li jinsisti li għad hemm ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba u dubji serji oħrajn relatati ma’ dan il-kors offrut mill-MCAST b’kollaborazzjoni mal-UAB (Universitat Autònoma de Barcelona), li għandhom ikunu kjarifikati.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jistieden lill-Gvern biex jikkonferma jekk il-kors għandux l-approvazzjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-Veterinarji f’Malta biex jinħarġu l-warrants għall-prattika.
Il-Gvern għandu jikkjarifika jekk il-kors hux akkreditat fid-dawl li l-UAB trid tadotta l-European Approach biex takkreditah skont istandards Ewropej, ladarba dan hu kors konġunt bejn żewġ istituzzjonijiet differenti biex eventwalment tinħareġ il-warrant skont Annex 5 tal-Professionals Qualifications Directive. Għalkemm il-UAB hi mniżżla fuq Annex 5, m’għandhiex l-awtorità li tagħti dan il-kors b’mod konġunt mal-MCAST.
Minħabba f’hekk, sal-lum, it-tmien studenti tal-MCAST li se jibdew il-kors m’għandhomx is-serħan tal-moħħ li se jingħataw il-warrant u għalhekk ikun irresponsabbli li l-kors jibda kif ippjanat jekk mhux akkreditat. Irrefera wkoll għan-nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-MVA (Malta Veterinary Association) li, fi Frar li għadda, ddikjarat li ma kinitx ikkonsultata mill-Gvern qabel ħabbar il-pjanijiet tiegħu għall-kors.
Il-Partit Nazzjonalista talab ukoll li jingħata aktar informazzjoni dwar min se jkun qed jgħallem lill-istudenti Maltin anke minħabba li l-Ministru konċernat qal li l-kors se jkun mgħallem minn letturi taż-żewġ istituzzjonijiet.
//= $special ?>