Fl-aħħar ġurnata jew aħjar fl-14-il jum tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker f’Albufiera, il-Portugal, il-qofol kienet il-finali tal-kategorija tat-timijiet tal-irġiel fejn wieħed miż-żewġ finalisti kien it-tim Malta 1 kompost minn Aaron Busuttil u Chris Peplow.
F’finali li ħadet aktar minn tliet sigħat, il-Maltin tilfu l-ħames u l-frame deċiżiv kontra l-Ukranja 1, li kien magħmul minn Denys Khmelevskyi u ż-żgħażugħ Iulian Boiko li llum għandu 19-il sena però ta’ 14-il sena kien sar l-iżgħar player li qatt qaleb bħala professjonali tas-snooker u ħa sehem fil-World Snooker Tour fl-istaguni 2020/21 u 2021/22.
Matul din l-edizzjoni Kampjonat Ewropew tas-Snooker li saru fl-aħħar ġranet, Boiko rebaħ ukoll il-kompetizzjoni tax-shoot-out fejn fil-kwartifinali kien elimina lil veteran Malti Alex Borg.
Waqt din il-finali t-tim Malti rebaħ l-ewwel frame iżda l-Ukreni rebħu ż-żewġ frames suċċessivi, b’Busuttil u Peplow jirrispondu mill-ewwel biex jisfurzaw il-ħames u l-aħħar frame.
Fil-ħames frame ż-żewġ timijiet għal ħafna ħinijiet għażlu li jilagħbu logħob defensiv u meta kien jonqos tliet boċċi ħomor Malta 1 rreduċew l-iżvantaġġ għal erba’ punti biss. Wara li Peplow, b’kolp fit-tul, naqas li jippottja waħda mill-aħħar żewġ boċċi ħomor jew jiddefendi aktar il-boċċa l-bajda, Khmelevskyi fil-kolp suċċessiv irnexxielu għamel ħamra li ma kinetx daqstant faċli u minn hemm ‘il quddiem l-Ukreni ħadu l-kontroll u b’mini break ta’ 28 punt għalqu u rebħu l-finali, bil-punteġġi tal-ħames frames ikunu 66-53, 25-74, 21-65, 64-19 u 27-64.
Wara l-finali, il-President tal-European Billiards & Snooker Association, Maxime Cassis, għamel l-preżentazzjoni lir-rebbieħa fosthom lil Aaron Busuttil u Chris Peplow bħala r-runners up ta’ din l-edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker tat-timijiet tal-irġiel.
Aaron Busuttil u Chris Peplow
//= $special ?>