Il-President tal-Parlament Roberta Metsola ħabbret ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2024 fil-kamra illum il-Ħamis, wara l-laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti, li ħadet id-deċiżjoni.
“Il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2024 jingħata lil María Corina Machado u lill-President elett Edmundo González Urrutia għall-ġlieda kuraġġuża tagħhom biex jerġgħu jistabbilixxu l-libertà u d-demokrazija fil-Venezwela. Fit-tfittxija tagħhom għal tranżizzjoni ġusta, ħielsa u paċifika tal-poter, huma appoġġaw bla biża’ l-valuri li miljuni ta’ Venezwelani u l-Parlament Ewropew tant jgħożżu: Il-ġustizzja, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Il-Parlament Ewropew jappoġġja lill-poplu tal-Venezwela u lil María Corina Machado u lill-President elett Edmundo González Urrutia fil-ġlieda tagħhom għall-futur demokratiku ta’ pajjiżhom. Dan il-premju huwa għalihom,” qalet Metsola.
María Corina Machado ġiet eletta bħala l-kandidat presidenzjali tal-oppożizzjoni Venezwelana f’isem il-“Pjattaforma Demokratika tal-Għaqda” fl-2023, iżda aktar tard ġiet skwalifikata mill-Kunsill Elettorali Nazzjonali kkontrollat mir-reġim.
Edmundo González Urrutia, diplomatiku u politiku li ħa postha bħala l-kandidat tal-“Pjattaforma Demokratika tal-Għaqda”, iddenunzja n-nuqqas tal-gvern tal-Venezwela li jippubblika r-riżultati uffiċjali tal-elezzjonijiet presidenzjali u kkontesta r-rebħa ddikjarata ta’ Nicolás Maduro. González Urrutia telaq mill-pajjiż f’Settembru wara li nħareġ mandat biex jiġi arrestat.
F’riżoluzzjoni adottata fid-19 ta’ Settembru 2024, il-MPE enfasizzaw li l-missjonijiet internazzjonali ta’ osservazzjoni elettorali għamluha ċara li l-elezzjoni presidenzjali Venezwelana ma kinitx konformi mal-istandards internazzjonali tal-integrità elettorali. Huma rrikonoxxew lil Edmundo González Urrutia bħala l-president leġittimu u elett demokratikament, u lil María Corina Machado bħala l-mexxeja tal-forzi demokratiċi.
Il-Parlament ikkundanna “l-frodi elettorali” u l-ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq kontra l-oppożizzjoni demokratika, il-poplu Venezwelan u s-soċjetà ċivili.
Skont il-gvern tal-Venezwela, 2 400 persuna ġew arrestati waqt dimostrazzjonijiet li segwew l-elezzjoni u organizzazzjonijiet mhux governattivi rrappurtaw il-mewt ta’ 24 persuna. María Corina Machado għadha qed tistaħba, filwaqt li Edmundo González Urrutia ħarab lejn Spanja, li tah asil politiku fis-7 ta’ Settembru.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Settembru 2024, il-Parlament stieden lill-UE testendi s-sanzjonijiet kontra r-reġim Venezwelan u tapplika sanzjonijiet immirati permezz tar-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem kontra Nicolás Maduro u ċ-ċirku intern tiegħu. Qabel l-elezzjonijiet, il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-istati membri jżommu s-sanzjonijiet imposti fuq ir-reġim ta’ Maduro u kkritika d-deċiżjoni antikostituzzjonali li persuni prominenti tal-oppożizzjoni politika bħal María Corina Machado, ma jitħallewx joħorġu għall-elezzjonijiet tal-2024.
Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb se ssir fit-18 ta’ Diċembru fi Strasburgu, matul is-sessjoni plenarja tal-Parlament.
//= $special ?>