Persuna li kien jikkonsma kwantità kbra tad-droga kien meħlus u ffranka sentenza ta’ sitt xhur ħabs fuq 11-il gramma kokaina li nstabu fil-pussess tiegħu 12-il sena ilu, wara li l-Qorti tal-Apell ikkonkludiet li d-droga kienet għal użu personali u minn dakinhar kien biddel ħajtu.
Il-każ imur lura għal Jannar tal-2012 meta l-Pulizija fittxew fil-Każin tal-Boċċi ta’ Ħal Luqa. Diversi persuni ġew arrestati wara li nstabu fil-pussess tad-droga. Wieħed minnhom kien l-appellant li kien wieqaf ħdejn il-mejda tal-billiard meta l-Pulizija għamlu rejd fil-post.
Ir-raġel, li issa għandu 59 sena, dak iż-żmien kien juża ħafna l-kokaina. Fil-but tal-qalziet il-Pulizija sabu tliet qratas u borża akbar li kien fiha sustanza bajda, kif ukoll xi €100 fi flus kontanti. Is-sustanza aktar tard ġiet iċċertifikata bħala 11.39 gramma ta’ kokaina bi 33% ta’ purità.
Fit-toilets tal-klabb instabu wkoll xi oġġetti tal-plastik li kellhom traċċi tad-droga. Sussegwentement ir-raġel ġie mixli li kien fil-pusses tad-droga kokaina, li kellu d-droga f’ċirkustanzi li jindikaw li ma kinitx esklussivament għall-użu personali, li ttraffika reżina tal-cannabis u li allegatament wettaq dawn ir-reati sa 100 metru minn post iffrekwentat miż-żgħażagħ.
Fl-2021, huwa nstab ħati ta’ pussess aggravat ta’ kokaina u tneħħa mill-akkużi l-oħra. Huwa kien ikkundannat għal 6 xhur ħabs effettiva u multa ta’ €1,000. L-avukat tiegħu ressaq appell fejn argumenta li l-ewwel qorti kkonkludiet b’mod żbaljat li d-droga li nstabet fil-pussess tal-appellant ma kinitx għall-użu tiegħu peress li kienet ammont sostanzjali u żgur li ma setgħetx tiġi kkunsmata f’daqqa.
L-ewwel qorti ffukat fuq l-ammont tad-droga. Iżda l-avukat difensur Edward Gatt irrimarka li għalkemm l-appellant ġie arrestat f’post li dak iż-żmien kien assoċjat ma’ attività tad-droga, fil-fatt kien hemm “bħala klijent”.
U bħala bniedem li jabbuża mid-droga kien għadu kemm kiseb il-provvista tad-droga tiegħu. Minn 12-il sena ‘l hawn, ir-raġel minn dak iż-żmien kien waqqaf il-vizzju tad-droga tiegħu, kellu ħajja stabbli fil-familja bħala nannu u mexxa wkoll negozju b’suċċess “bogħod ‘il bogħod mid-dinja mudlama li kien jgħix fiha dakinhar.”
Meta tat is-sentenza l-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, osservat li l-akkużat kien tqiegħed taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal tal-probation fl-2015. Dak l-uffiċjal xehed li l-appellant dejjem żamm l-appuntamenti tiegħu, attenda sessjonijiet fil-Caritas, ittestja nadif mid-droga bejn l-2015 u l-2018 u reġa’ kiseb stabbiltà f’ħajtu.
Xehed ukoll il-psikjatra tiegħu. Spjega kif il-ħajja tal-appellant ħadet xejra negattiva meta ż-żwieġ tiegħu ta’ 20 sena tkisser fl-2007. Dik il-ġrajja “trawmatika ħafna” wasletl lir-raġel biex idur għal kumpanija ħażina u kien hawn meta ġie introdott għad-droga. Meta żbarka l-ħabs fl-2009 wara li ġie arrestat fuq ġlieda, irriżulta pożittiv għad-droga.
Iżda wara li ngħata medikazzjoni, il-kundizzjoni tiegħu tjiebet, qal il-psikjatra. Il-Qorti osservat li f’każijiet bħal dawn, kellhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi kollha. Għalkemm l-ammont ta’ drogi kien indikattiv, dan ma kienx l-uniku fattur li jiddetermina jekk id-droga kinitx għal użu personali.
Filwaqt li kkwotat ġurisprudenza estensiva dwar is-suġġett, l-imħallef ikkonkludiet li kien evidenti li lura fl-2012, l-appellant kien qed jiffaċċja “roqgħa turbulenti” fil-ħajja, jabbuża mill-kokaina regolarment u jgħolli d-doża fi tmiem il-ġimgħa.
Id-droga li nstabet fil-pussess tiegħu kienet l-istess sustanza li kellu l-vizzju tagħha. Il-prosekuzzjoni ma ppruvatx li l-oġġetti tal-plastik li nstabu fit-toilets kienu b’xi mod marbuta mal-appellant. B’hekk il-Qorti rrevokat is-sentenza, iddikjarat lill-appellant ħati biss ta’ pussess sempliċi u poġġietu taħt ordni ta’ probation ta’ tliet snin.
Kellu wkoll iwettaq 100 siegħa ta’ servizz fil-komunità u jħallas l-ispejjeż tal-esperti tal-Qorti. Il-Qorti ordnat il-qerda tad-droga.
L-avukat Edward Gatt deher għall-akkużat.