Pensjonant minn Bormla ngħata l-ħelsien mill-arrest, sakemm tingħata s-sentenza, wara li ammetta li kiseb u xxerja pornografija li kienet tinvolvi t-tfal.
Ronnie Farrugia ta’ 64 sena tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Monica Vella l-Ħamis mill-Ispettur anzjan Elton Buckingham u l-Ispettur Carl Pace mis-Cybercrime Unit, fuq akkużi kemm li akkwista kif ukoll li qassam materjal illegali.
Fil-Qorti ngħad li l-Pulizija kienet investigat lil Farrugia fuq tliet rapporti mibgħuta lis-Cybercrime Unit miċ-Ċentru Nazzjonali għat-Tfal Nieqsa u Sfruttati bbażat fl-Istati Uniti. Waqt it-tressiq tar-raġel, il-prosekuzzjoni esebit ir-rapport taċ-Ċentru inkwistjoni, flimkien ma’ CD li kien fih il-materjal li kien intbagħat mill-apparat elettroniku tar-raġel.
Ġew esebiti wkoll talbiet mibgħuta mill-Pulizija lill-ISP tiegħu, kif ukoll lill-ġganti tat-teknoloġija Google, flimkien mar-risposti rilevanti. Ir-raġel wieġeb ħati għall-akkużi miġjubin kontrih. L-avukat difensur Mark Mifsud Cutajar talab il-ħelsien mill-arrest wara li l-Qorti ħabbret li ma kinitx se tikkundanna lil Farrugia l-Ħamis.
Peress li l-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx li r-raġel jinħeles mill-arrest sas-smigħ tas-sentenza tiegħu fi żmien ġimagħtejn, il-Qorti tat il-libertà proviżorja lil Farrugia, u ordnatlu jiffirma fl-Għassa tal-Pulzija ta’ Bormla darbtejn fil-ġimgħa. Il-ħelsien tiegħu kien garantit b’depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Fuq talba tal-prosekuzzjoni, il-Qorti ordnat ukoll li Farrugia jiġi rreġistrat bħala’sex offender’.
//= $special ?>