Wara karriera mill-aqwa u twila 35 sena, Peter Balzan ħabbar li rtira minn referee tal-waterpolo biex jibda rwol ġdid bħala Delegat tal-European Aquatics. Balzan li fost l-oħrajn kien referee internazzjonali għal 30 sena, kien wieħed mir-referees ewlenin f’pajjiżna tul dawn is-snin.
Hu kkontrolla fost l-aktar logħbiet importanti fix-xena lokali fosthom finali ta’ knock-outs u finali ta’ play-offs għar-rebħ tal-kampjonat. Madankollu, fost l-aktar mumenti li spikkaw tul il-karriera, Balzan ikkontrolla logħbiet minn Kampjonati Ewropej fl-edizzjonijiet tal-2020 u l-2022.
Il-vjaġġ ta’ Peter Balzan bħala Delegat beda aktar kmieni dan ix-xahar u ġimgħa ilu kellu l-ewwel appuntament f’logħba miċ-Champions League bejn Sabadell u Olympiacos. F’dawn il-jiem, Balzan jinsab fil-kapitali Ġermaniża hekk kif se jkun id-Delegat għal-logħbiet mit-tieni Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni tal-Euro Cup tan-nisa.
Għalkemm din il-ħatra hi importanti fuq bażi lokali, is-settur tar-referees lokali se jitlef persuna li bl-esperjenza, il-personalità u l-konsistenza, stabbilixxiet ruħha bħala figura ewlenija. Hu ta servizz bħala referee f’kull kategorija tal-waterpolo f’pajjiżna miż-żgħar sal-kbar u kien punt ta’ riferiment speċjalment fejn jidħlu għarfien u aġġornamenti tar-regolamenti.
//= $special ?>